Wednesday, December 25, 2024

Erba’ xhur ħabs wara li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest

Aqra wkoll

Żagħżugħ ta’ 19-il sena mill-Gudja li jinsab fuq libertà proviżorja talli allegatament hedded raġel b’pistola, intbagħat il-ħabs u kellu d-depożitu ta’ €1,000 ikkonfiskati minħabba ksur ripetut tal-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja tiegħu. 

Zven Azzopardi tressaq quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi wara li kmieni t-Tlieta filgħodu uffiċjali tal-pulizija li marru fuq il-post fejn seħħ inċident tat-traffiku qrib l-Għassa tal-Ħamrun, sabuh passiġġier f’waħda mill-karozzi involuti fil-ħabta.

L-uffiċjali ndunaw li kien qiegħed jikser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u għalhekk arrestawh fuq il-post. Meta tressaq fil-Qorti, l-imputat wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu. 

Fid-dawl tal-ammissjoni tiegħu, il-Qorti sabitu ħati u rrevokat iż-żewġ digrieti tal-ħelsien mill-arrest u ordnat l-arrest mill-ġdid ta’ Azzopardi kif ukoll il-konfiska tad-depożitu ta’ €1,000 b’rabta ma’ wieħed mid-digrieti marbuta mal-ħelsien mill-arrest.

Huwa kien ikkundannat erba’ xhur ħabs wara li l-Qorti qieset l-ammissjoni bikrija tiegħu u talli naqas milli jaħtaf l-opportunitajiet li huwa kien ingħata. “Huwa evidenti li l-imputat mhux kapaċi jaderixxi mal-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest,” qalet il-Qorti. 

L-Avukat Marion Camilleri deher għal Azzopardi. 

Ekonomija

Sport