Hekk kif il-Pulizija Maltija tibqa’ impenjata li tikkumbatti l-kriminalità organizzata f’pajjiżna, fl-aħħar sigħat wettqet operazzjoni b’suċċess fil-Port Ħieles ta’ Malta li wasslet għall-arrest ta’ erba’ persuni u l-qabda ta’ 146 kilogramma droga, allegatament kokaina, destinata għas-suq lokali.
Waqt spezzjonijiet li l-Pulizija Maltija kienet qiegħda tagħmel fil-Port Ħieles b’assistenza milluffiċjali tas-sigurtà tal-istess Port, ilbieraħ għall-ħabta tas-sagħtejn neqsin għoxrin ta’ waranofsinhar twaqqaf trailer li kien ħiereġ mill-Port Ħieles, bħala parti minn investigazzjonijiet b’rabta ma’ importazzjoni tad-droga f’pajjiżna.
Wara spezzjoni li saret fil-kabina, wara x-xufier u l-passiġġier instab l-ammont ta’ 105 kilogrammi droga suspettata kokaina. Aktar tfittxijiet li saru f’kontejner fl-istess Port wasslu għas-sejba ta’ 41 kilogrammi oħra ta’ droga, ukoll maħsuba kokaina. Li jfisser li nstab total ta’ 146 kilogramma droga, suspettata kokaina, b’valur fit-triq li jlaħħaq l-€20 miljun.
Jidher li din id-droga, li oriġinat mill-port ta’ Guayaqil fl-Ekwador, kienet destinata biex tinbiegħ fis-suq lokali. Apparti x-xufier u l-passiġġier tat-trailer, it-tnejn burdnara, ġew arrestati wkoll żewġ ħaddiema tal-Port Ħieles.
L-erba’ Maltin arrestati huma rġiel ta’ 44 sena residenti Birżebbuġa, 46 sena residenti l-Fgura, ta’ 36 sena residenti Ħaż-Żebbuġ, u ta’ 41 sena residenti Ħaż-Żabbar.
B’rabta ma’ dan il-każ infetħet inkjesta mill-Maġistrat Dr Ian Farrugia LL.D, waqt li linvestigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.