Erbat itfal kellhom jittieħdu l-isptar f’qagħda kritika wara li ġew salvati minn xmara tas-silġ qrib Birmingham.
Huwa maħsub li dawn it-tfal waqgħu fl-ilma wara li kienu qed jilagħbu fuq is-silġ f’Babbs Mill Park, Kingshurst. Huma ttieħdu f’żewġ sptarijiet f’Birmingham.
West Midlands Ambulance Service qal li t-tfal sofrew minn ‘cardiac arrest’ meta ġew salvati, iżda ma ngħata ebda aġġornament ulterjuri dwar il-kundizzjoni tagħhom.
Il-Met Office tal-pajjiż wissa dwar ir-riskji tas-silġ hekk kif ir-Renju Unit qed jaffaċċja perjodu kiesaħ.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret ilbieraħ filgħaxija, il-Kap tat-Tifi tan-Nar tal-West Midlands Richard Stanton qal li l-uffiċjali kienu infurmati mal-wasla tagħhom li kien hemm sa sitt persuni fix-xmara.
Huwa qal: “komplejna l-operazzjonijiet ta’ tfittxija sabiex nikkonfemra jekk kienx hemm aktar persuni fl-ilma.” Iżda aktar tard ikkjarifika li din ma kinitx se tibqa “operazzjoni ta’ tfittxija u salvataġġ” fejn semma l-kesħa tal-ilma, l-età ta’ dawk li daħlu fiha, u anke l-ħin li setgħu kienu hemm.