Thursday, December 26, 2024

Erbgħa arrestati b’rabta ma’ rejd għad-droga fil-Marsa

Jinstabu wkoll 49 persuna li kienu qegħdin jgħixu Malta llegalment.

Aqra wkoll

Matul il-lejl li għadda l-Pulizija wettqet rejd fuq żewġ remissi fi Triq il-Ġerrejja u Triq is-Serkin, il-Marsa b’rabta ma’ traffikar ta’ droga. Waqt li ġew arrestati erba’ persuni, fil-post instabet kwantità ta’ droga, li allegatament kienet lesta biex tkun ittraffikata.

Kienet ħidma konġunta bejn diversi sezzjonijiet tal-Pulizija li bdiet ftit wara l-11:30 p.m. u baqgħet għaddejja sa l-04:00 a.m.

Wara diversi jiem ta’ investigazzjonijiet u osservazzjonijiet fuq ir-remissi, fejn allegatament qegħdin jintużaw għall-bejgħ tad-droga, il-Pulizija ċċirkondat l-akwati u daħlu ġewwa. Fl-ewwel remissa kien hemm żewġt irġiel, Malti u Niġerjan u kif indunaw bil-Pulizija, it-tnejn ippruvaw jaħarbu, b’wieħed minnhom saħansitra qabeż minn għoli ta’ madwar sular u nofs. Iżda t-tnejn li huma ġew arrestati mill-ewwel.

Minn tfittxija li saret f’din ir-remissa, il-Pulizija sabu 230 qartas kokaina, 145 qartas eroina u 32 qartas kannabis, kollha lesti f’boroż żgħar biex jinbigħu. Fl-istess remissa nstabu madwar €2,000 fi flus kontanti.

Fir-remissa l-oħra, il-Pulizija arrestaw żewġt irġiel oħra mill-Ghana. Fil-post instab madwar nofs kilo kannabis u ammont konsiderevoli oħra ta’ qratas tal-kannabis lesti biex jinbigħu. Instabu wkoll madwar €2,000 fi flus kontanti.

Miż-żewġ remissi ġew elevati diversi mobiles, apparat ta’ cctv cameras, kif ukoll oġġetti oħra b’rabta mat-traffikar tad-droga.

Ekonomija

Sport