Friday, March 6, 2026

Erbgħa mixlija li importaw 12-il kilo kokaina b’valur ta’ €600,000

Aqra wkoll

Żewġ Maltin u żewġ Taljani tressqu l-Qorti mixlija b’importazzjoni ta’ ftit aktar minn 12-il kilo droga suspettata kokaina, minn Sqallija. Il-valur tad-droga fis-suq hu stmat li jlaħħaq is-€600,000.

L-imputati huma Agatino Roberto ta’ 49 sena, Daniela Portale ta’ 42 sena, it-tnejn minn Katanja, Keith Spiteri ta’ 26 sena mill-Gudja u Jide Mallia ta’ 26 sena minn Santa Luċija.

Huma wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom. Il-Prosekuzzjoni spjegat kif investigazzjoni li kienet ilha għaddejja wasslet biex il-pulizija tidentifika diversi vetturi li allegatament kienu qed jintużaw biex idaħħlu d-droga minn Sqallija permezz tal-katamaran. Żied jingħad li l-pulizija kienu identifikaw il-persuni li kienu qed isuqu dawn il-vetturi.

It-Tlieta li għadda, vettura li waslet Malta bil-katamaran minn Sqallija, ġiet segwita mill-pulizija u baqgħet sejra sal-Gudja fejn hemmhekk it-Taljani allegatament kienu ltaqgħu maż-żewġt irġiel Maltin. Kien hawn li l-Pulizija nterċettat il-vettura u l-erba’ persuni ġew arrestati. Dan wara li tfittxija li saret fil-karozza kkonfermat l-informazzjoni li kellha l-Pulizija u d-droga nstabet moħbija f’kompartament.

F’dan l-istadju, id-Difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arredt u l-imputati baqgħu jinżammu arrestati fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, ħarġet ukoll ordni ta’ qbid u ffriżar fil-konfront tal-imputati. 

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Alfredo Mangion flmkien mal-Avukati Kevin Valletta u Maria Francesca Spiteri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Għall-imputati dehru l-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri, Adreana Zammit, Matthew Xuereb, Yanika Bugeja u Rachel Tua. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport