Saturday, December 21, 2024

Erbgħa u sittin membru ġdid jingħaqdu mal-Protezzjoni Ċivili

Aqra wkoll

Erbgħa u sittin rekluta ssieħbu fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili wara li temmew b’suċċess kors intensiv ta’ taħriġ t’għoxrin ġimgħa. B’hekk issa dan id-dipartiment għandu kważi 300 uffiċjal.

Ir-rekluti ħadu l-ġurament tal-ħatra fi tmiem ċerimonja li saret fl-istazzjon tal-Protezzjoni Ċivili f’Ħal Far. Il-qofol taċ-ċerimonja kien il-passing out parade tar-rekluti. 

F’indirizz lir-rekluti waqt din iċ-ċerimonja, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri sostna kif dawn il-ħaddiema se jingħaqdu  f’Dipartiment, li permezz tal-investiment kontinwu li sar minn dan il-gvern, huwa mgħammar bl-għodda kollha meħtieġa għal ħidmiet ta’ salvataġġ u ta’ protezzjoni ċivili.

“Investejna fit-taħriġ tagħkom ukoll, tant li kull darba li ġiet is-siegħa tal-prova dejjem ħriġtu bl-unuri kemm f’pajjiżna imma anke meta mortu tgħinu lil dawk fil-bżonn fit-Turkija, fil-Greċja, fil-Libja – u ġejtu mfaħħra u apprezzati minn kulħadd,” qal il-Ministru Byron Camilleri.

Huwa rrefera wkoll għat-tisħiħ fid-drittijiet, fil-kundizzjonijiet u fis-salarji lill-membri tal-korpi dixxiplinati. Fosthom bi ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema kollha tal-Protezzjoni Ċivili, li ġab drittijiet u kundizzjonijiet aħjar u tisħiħ fil-pensjoni tas-servizz. Il-ministru spjega wkoll li għall-ewwel darba fl-istorja, pensjonanti li servew f’korp dixxiplinarju u li ma kienux jieħdu żieda tal-għoli tal-ħajja, issa se jingħataw bonus addizzjonali daqs iż-żieda sħiħa li tingħata għall-għoli tal-ħajja.

Għaċ-ċerimonja tal-passing out parade indirizzaw ukoll lir-rekluti d-Direttur Ġenerali Peter Paul Coleiro u r-rekluta Melanie Callus.

Ekonomija

Sport