Il-President Tork Recep Tayyip Erdogan spiċċa taħt kritika minħabba l-kummenti li għadda dwar it-traġedja li ħalliet 41 ħaddiem ta’ minjiera tal-faħam mejtin. Fil-kumment tiegħu Erdogan qal li dan kien “id-destin” u tenna li inċidenti “dejjem se jseħħu”.
Dawn il-kummenti wasslu għal dimostrazzjonijiet ġewwa l-kapitali Istanbul, fejn ħafna kienu dawk li ddeskrivew dan il-każ bħala “massakru”. Il-qraba tal-vittmi qed jgħidu li l-ħaddiema ta’ din il-minjiera partikolari kien ilhom iktar minn ġimgħa jinnotaw li hemm riħa ta’ gass. F’din it-traġedja tilfu ħajjithom 41 ħaddiem u 28 sofrew ġrieħi.
Fi żjara li Erdogan għamel fiż-żona tal-minjiera ġewwa l-provinċja Bartin huwa qal li, “aħna poplu li nemmnu fil-pjan tad-destin. Inċidenti bħal dawn dejjem se jseħħu, u rridu nkunu konxji ta’ dan.” Bla dubju dan il-kumment irrabja lil bosta, u fost l-iktar voċiferi kien hemm il-kap tal-oppożizzjoni Kemal Kilicdaroglu fejn staqsa lil Erdogan “f’liema seklu qed tgħix? Għaliex l-inċidenti fil-minjieri jseħħu biss fit-Turkija?”
Min-naħa tiegħu Emin Koramaz, li huwa l-kap tal-unjin tal-inġiniera u l-arkitetti ġewwa t-Turkija wera n-nuqqas ta’ qbil tiegħu mad-dikjarazzjoni li dan kien “inċident” u fuq Twitter hu allega li dawn il-ħaddiema ntbagħtu mijiet ta’ metri taħt l-art mingħajr il-prekawzjonijiet meħtieġa u mingħajr spezzjonijiet ta’ sigurtà.” S’issa għadu ma kien hemm l-ebda stqarrija li tindika l-kawża uffiċjali ta’ din l-isplużjoni u l-awtoritajiet tat-Turkija bdew investigazzjoni. S’issa t-teorija hija li l-isplużjoni seħħet kawża tal-gass metanu.