Ix-xewqat tagħkom iż-żgħażagħ nagħmluhom realtà flimkien u twettquhom intom bl-attiviżmu. Kien dan il-messaġġ importanti li l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela għadda liż-żgħażagħ waqt attività organizzata miż-Żgħażagħ Laburisti, li fakkret l-irvellijiet tat-28 ta’ April 1958, avveniment fejn iż-żgħażagħ kienu protagonisti u ġġieldu għad-drittijiet tal-ħaddiema f’kuntest ta’ Malta bħala kolonja Ingliża.
Fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista waqt li ġie preżentat dokumentarju u saret diskussjoni li fakkret din il-ġrajja storika, il-Prim Ministru fisser kif iż-żgħażagħ tal-lum, bħal dawk ta’ qabilhom għandhom għan komuni, dak li jħarsu lejn il-futur. Dan mhux b’nostalġija iżda b’ispirazzjoni fejn iż-żgħażagħ tal-lum għandhom għażliet differenti minn dawk ta’ sitt deċenji ilu.
Il-Mexxej tal-Partit Laburista saħaq li l-involviment taż-żgħażagħ fil-fergħa Żgħażagħ Laburisti huwa importanti billi jinħolqu aktar ideat. Dr Abela saħaq li Malta tkun isbaħ u kif jixtiequha ż-żgħażagħ bil-bidla u mhux bl-istatus quo u bl-attiviżmu. Il-Mexxej Laburista inkoraġixxa liż-żgħażagħ biex jersqu ’l quddiem u jkunu attivi fil-ħajja ċivika tal-ibliet u l-irħula tagħhom fosthom billi jikkandidaw ruħhom fl-elezzjonijiet lokali tas-sena d-dieħla. “Ersqu ’l quddiem ħa tibdew il-ħidma u tinfluwenzaw anke l-programmi elettorali li l-Partit Laburista jmur bihom fl-elezzjonijiet lokali”, sostna Dr Robert Abela.
Il-Prim Ministru fakkar kif din il-ġimgħa ħarġet is-sejħa għall-applikazzjonijiet biex żgħażagħ jiffurmaw parti mill-Youth Advisory Forum, organu importanti fil-Gvern li se jkun punt ta’ konsultazzjoni kontinwa maż-żgħażagħ fuq temi ta’ importanza nazzjonali. Hawn il-Prim Ministru saħaq li l-Gvern qed jibqa’ jsaħħaħ l-aspett fejn iż-żgħażagħ ikunu fil-qalba tat-teħid tad-deċiżjonijiet.
Il-Mexxej Laburista feraħ lil Żgħażagħ Laburisti ta’ inivjattiva li tħares lejn ta’ qabilna bħala l-bażi tal-prinċipji li bihom inkomplu naħdmu fejn irridu mmorru u saħaq li flimkien f’Jum il-Ħaddiem nhar l-1 ta’ Mejju għandna ningħaqdu flimkien il-Belt biex nibagħtu messaġġ b’saħħtu li l-Partit Laburista huwa l-partit taż-żgħażagħ.