Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Il-futbol hu l-passjoni tiegħi. Minn ta’ etá żgħira ħafna kont inkun dejjem ma’ missieri l-grawnd. Hu kien kowċ ta’ Zebbug Rangers FC. Kien jieħu lili u lil ħija nilagħbu l-grawnd ta’ Ħaż-Zebbug. Meta kelli xi 11- il sena, infetħet in nursery bl-U12s u tista’ tgħid li minn dakinhar ‘l hemm bqajt sejjer fit-triq tal-futbol. Ma’ Zebbug Rangers FC lgħabt f’kull livell mill-U12s sal-kbar, kont captain tat-timijiet u rbaħt diversi promozjonjiiet mal-istess klabb. Barra minn hekk kelli wkoll esperjenzi ma’ klabbs oħra fosthom Lija A., Tarxien R., Mosta, Fgura U. u Swieqi U., fejn bqajt nilghab sal-etá ta’ 40 sena. Barra minn hekk kelli x- xorti nirraprezenta lil Malta f’logħbiet internazzjonali bejn l-U12 u l-U18.
Kif qed tħares lejn l esperjenza ġdida tiegħek bħala head coach tan-nursery ta’ Zebbug Rangers FC, fejn se tkun qed tieħu post il-kowċ Franco Agius li għamel ġid kbir fl-istess nursery?
Jien bniedem li nħobb l-isfidi fil-ħajja. Din il kariga hija ta’ responsabbiltá fejn trid tmexxi nursery fejn l- għan ewlieni hu li niżviluppaw individwi kemm fil-futbol, kif ukoll fil-karattru, valuri u d-dixxiplina. Esperjenza li qed inħares lejha b’pożittivitá u determinazzjoni, u se nipprova ngħaddi l-esperjenza tiegħi lill-kowċis u l-plaejers tagħna. L-għan tagħna hu dak li nkomplu ntejbu dak li sar fil-passat mill-head coach Franco Agius li tista’ tgħid bena l-pedament tan-nursery. Minn hawn nirringrazzjah bis-sħiħ tax-xogħol kollu li għamel.
Huwa fatt magħruf li t-tim tal-kbar ta’ Zebbug Rangers FC qed jutilizza bosta plejers prodotti tan-nursery tagħkom. X’inhu s-sigriet ta’ dan is-suċċess?
L-opinjoni tiegħi hi li kull klabb għandu jutilizza l-prodott tan-nursery, għax inkella x-xogħol tan-nursery jkun qed isir għalxejn u jintilef ħafna talent.
Li rridu hu li jkun hemm iktar paċenzja għax il-qabża hi diffiċli għaż-żgħażagħ li jistabilixxu ruħhom u jkunu konsistenti mal-kbar.
Kif tqis il-livell tal-grassroots f’pajjiżna?
Jien nahseb li hawn talent lokali ta’ livell. Naħseb iktar irridu nbidlu l-mentalitá u l-kulturá bħala Maltin, fejn l-isport huwa meqjus bħala sekondarju u mhux ta’ importanza f’pajjiżna. Minn esperjenza li kelli mar-Regional Hubs kemm bħala kowċing u scouting rajt ħafna talent. Xi ħaġa li tinkwetani li tara ħafna żgħażagħ jieqfu kmieni meta dawn ikollhom potenzjal.
U dak tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Mil-lat ta’ kowċing naħseb li l-fubol Malti inbidel ħafna, fejn il-kowċis qed ikunu preparati iktar għat-taħriġ u l-logħob. Dan mertu għall-MFA Coaching Education. Nemmen li progress qed jsir, imma jekk mhux se naqbdu t-triq tal-professjonaliżmu fil-futbol, il-passi tagħna jkunu żgħar meta kkomparati ma’ pajjiżi oħra.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Din waħda mill-ikbar problemi li għandna ġo dan il-pajjiż. Ir-riżorsi huma limitati, trid taqsam il-pitch f’ ħafna bicciet biex jitħarrġu l-gruppi kollha tal-klabb, realtá li tista’ tgħid li kull klabb jiffaċja. Timijiet tal- kbar jittrenjaw f’nofs grawnd, jew grawnd żgħir. Bħalma diġá rrimarkajt, l-isport għandu jkun wieħed mill-prijoritajiet biex nimxu ‘l quddiem.
Kif qed tħares lejn il futur tiegħek fil-futbol?
Il-futur tiegħi fil-futbol hu li nitla’ tarġa tarġa, li nibni lili nnifsi u nkompli naħdem u nitgħallem. Dan kollu biex inwasslu liż-żgħażagħ tagħna bl-aħjar mod possibli, biex ngħin lill-individwu joħroġ l-aħjar potenzjal tiegħu u jitjieb mil-lat fiżiku, mentali u soċjali.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Fil-futbol biex tirnexxi trid tagħmel sagrifiċċju, tkun lest li taħdem u tkun umli. Trid tkun lest biex titgħallem u titjieb f’kull aspett. Se tltaqa’ ma’ ostakli, injuries u qtugħ ta’ qalb imma trid tibqa’ tiġġieled. Dan kollu jibni l-karattru meta tħares lura wara li tieqaf, se tiftakar fil-memorji sbieħ u l-midalji li rbaħt imma l-ikbar midalja li tkun irbaħt u se tibqa’ miegħek għal dejjem hi li bl-isport bnejt karattru sod, dixxiplinat u reżiljenti li lest għall-isfidi tal-ħajja.