Friday, December 13, 2024

Esperjenza ta’ darba fil-ħajja… id-data tal-lum 2.22.22

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Illum huwa jum partikolari u interessanti tant li l-midja soċjali hija invażata b’diskussjonijiet dwaru. Dan minħabba li fix-xjenza tan-numeroloġija d-data tal-lum hija unika għax hija magħmula b’repetizzjoni tan-numru tnejn – it-22 jum, tat-tieni xahar tas-sena elfejn u 22, miktub 2.22.22. Dan il-fenomenu, li mhux se jkollna bħalu qabel 200 sena oħra, inzerta wkoll fit-tieni jum tal-ġimgħa tax-xogħol u bl-Ingliż il-kelma “Tuesday” u n-numru “two” ingħaqdu biex illum ħafna nies  qegħdin jiċċelebraw il-“Happy Twosday”. 

Il-midja soċjali, li tant tinfluwenza nies fiż-żminijiet tal-lum, immarkat dan il-jum speċjali li fih hemm antiċipazzjoni kbira fost il-koppji għal proponimenti ta’ żwieġ għal data li żgur ma jinsew qatt. Din hija esperjenza ta’ darba fil-ħajja ta’ bniedem li fiha n-numri huma kollha 2.22.22. 

Il-ġenerazzjonijiet futuri se jgawdu minn dan il-fenomenu numeroloġiku 200 sena oħra, eżattament fit-2.22.2222 u mbagħad mhux se jirrepeti ruħu qabel 20,000 sena bid-data tat-22 ta’ Frar tas-sena 22222 (2.22.22222). 

F’dawn l-aħħar 10 snin kellna għadd ta’ dati b’mudelli ta’ numri simili fi 11-il xahar oħra fosthom it-02.02.02 u t-12.12.12. Imbagħad, fi żmien 11-il sena oħra se jkun hemm it-3.3.33 (Threesday) u l-Foursday 11-il sena wara bid-data tal-4 ta’ April tal-2044 (4.4.44).

Miljuni ta’ nies fuq il-midja soċjali jiċċelebraw dan il-jum bħala l-“Happy Twosday”

Iżda l-jum tal-lum huwa uniku għax minkejja li l-ġenerazzjonijiet futuri wkoll se jinzertaw ħajjin f’data li fiha n-numri kollha jkunu tnejn – fis-sena 2222 – din se tinzerta fil-jum tal-Ġimgħa. Għaldaqstant, dak li qegħdin niċċelebraw illum huwa kkonsidrat aktar speċjali. Ovvjament, fi żmien 100 sena oħra se jerġa’ jkun hemm id-data 2.22.22, però, minħabba li dan se jseħħ fl-2122, din m’hiex se tkun meqjusa bl-istess mod tal-lum biż-żero fid-data (2022). 

Dati bħal dawn iqajmu interess u kurżità fost ħafna persuni minn madwar id-dinja kollha inklużi dawk li jistudjaw in-numeroloġija u l-misteri tal-kosmos. Dan iseħħ l-aktar minħabba li l-bniedem iħobb isib xi tip ta’ spjegazzjoni fin-numri. 

Fost dati partikolari fl-Istorja riċenti kien hemm dik tat-12.12.12 fejn ħafna nies beżgħu li f’din il-ġurnata partikolari d-dinja kienet se tispiċċa, dik magħrufa bħala d-“Doomsday”. Dan il-jum partikolari, it-12 ta’ Diċembru 2012, inżerta wkoll li kien l-aħħar jum tal-kalendarju antik Mesoamerican li kien ikopri total ta’ 5,126 sena.

Ekonomija

Sport