
Wieħed mill-aktar avvenimenti mfittxija fil-kalendarju kulturali Għawdxi tal-Milied huwa bla dubju “Betlehem f’Għajnsielem”. Dan il-presepju ħaj ireġġa’ lura lil dawk li jżuruh lejn iż-żminijiet tan-Natività, filwaqt li joffri esperjenza awtentika u ta’ ispirazzjoni fil-perjodu tal-Milied.
Minn sena għall-oħra, din l-attività baqgħet tkun suċċess u qed narawha tkompli żżid fil-popolarità. Din is-sena ma kinitx eċċezzjoni, hekk kif il-15-il edizzjoni ta’ “Betlehem f’Għajnsielem” ġibdet lejha bosta nies, mhux biss Maltin u Għawdxin imma wkoll turisti li żaru din il-gżira.

Il-fotografu tagħna Joe Grech fil-jiem li għaddew żar din l-attività fejn ġibed xi ritratti ta’ dak li joffri dan il-presepju animat, li huwa mifrux fuq medda ta’ 20,000 metru kwadru u jinkludi aktar minn 100 attur. Dan flimkien ma’ taħlita ta’ tradizzjonijiet u snajja’ lokali u dak kollu li ġeneralment huwa assoċjat mal-presepju tradizzjonali Malti.

Għal aktar informazzjoni dwar il-ġranet u l-ħinijiet meta Betlehem f’Għajnsielem se jkun animat, wieħed jista’ jżur is-sit https://eventsingozo.com/event/betlehem-fghajnsielem-2024-2/2024-12-25/
