Fi qrara tfajla tiżvela li qatlet ħames persuni
Ilbieraħ saret l-ordinanza ta’ Dun Anton Theuma fix-Xewkija, għall-irwol ġdid tiegħu bħala l-Isqof għall-gżira t’Għawdex.
Dan l-avveniment importanti għall-Knisja Kattolika lokali, ġie antiċipat minħabba s-sitwazzjoni preżenti tal-pandemija tal-COVID-19. Dun Theuma, saċerdot li jisħaq fl-importanza li fil-ħajja, wieħed għandu jżomm saqajh mal-art, okkupa diversi karigi fil-mixja reliġjuża tiegħu u issa li għandu dan ir-rwol, ser ikompli jaħdem għall-episkopat u għat-tisħiħ tal-familji.
Imwieled fir-Rabat Għawdex u jgħix fix-Xagħra, Dun Theuma ġej minn familja reliġjuża, b’mod speċjali ommu u huwa l-kbir minn erba’ aħwa. Huwa okkupa diversi karigi fi ħdan il-Knisja Kattolika fosthom dik ta’ Direttur Spiritwali f’Ruma; Vigarju Parrokjali; Rettur tas-Seminarju t’Għawdex u bħala Delegat tal-Isqof tal-Familja.
F’intervista ma’ dan is-sit l-Isqof Theuma jirrakkonta kif kien għadu daqsxejn ta’ ġuvnott ta’ 15-il sena meta kellu s-sejħa għas-saċerdozju u llum il-ġurnata jinsab ħerqan aktar minn qatt qabel biex ikompli bil-ħidma tiegħu fil-Knisja u fis-soċjetà, b’mod speċjali għat-tisħiħ tal-familji. Minn temi bħad-droga, separazzjonijiet, immigranti, iċ-ċelebat u r-rwol tan-nisa fil-Knisja, insiru nafu aktar lil Dun Anton Theuma fejn fost l-oħrajn qasam magħna l-aktar esperjenza li f’dawn is-snin kollha għalmitu l-aktar, jiġifieri dik li l-ewwel għandu jisma’ lil dak li jkun, qabel ma jiġġudikah.
F’din l-okkażjoni partikolari, huwa kien qiegħed jagħlaq il-bibien ta’ knisja f’Ruma meta fuq iz-zuntier sab tfajla ta’ madwar 16-il sena għarkupptejha. Meta mar biex javżaha, din talbitu biex jitkellmu ftit u stqarret miegħu li marret taqra x-xorti fejn qalulha li għandha tkellem qassis. Kien għalhekk li hija avviċinatu biex tgħidlu sigriet, jiġifieri dak li hija fil-verità kienet qatlet xejn inqas minn ħames persuni. Hawnhekk, Dun Theuma, stqarr li baqa’ xxokjat għax ma stenniex aħbar ta’ dan it-tip minn dik it-tfajla quddiemu.
L-intervista sħiħa ma’ Dun Anton Theuma se tkun ippubblikata l-ġimgħa d-dieħla.