Id-dinja għaddiet minn deċennju ta’ “sħana fatali”, bl-2024 timmarka 10 snin ta’ temperaturi bla preċedent.
Waqt li kien qed iwassal il-messaġġ tiegħu għas-sena l-ġdida, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, António Guterres qal li dawn l-aħħar 10 snin kienu meqjusa bħala l-aktar “sħan” fl-istorja, inkluż l-2024.
L-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-klima u t-temp – l-Organizzazzjoni Meteoroloġika Dinjija (WMO) – qalet li se tippubblika ċifri uffiċjali f’dan ir-rigward f’Jannar. Din l-organizzazzjoni qalet li s-sena li għaddiet aktarx li kienet l-aktar waħda sħuna skont ir-rekords tagħhom.
Il-WMO qalet li hekk kif it-temperaturi globali żdiedu u l-avvenimenti ta’ sħana estrema marru għall-agħar, kien hemm ħtieġa dejjem tikber għall-pajjiżi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali biex jaħdmu flimkien biex jindirizzaw ir-riskji severi tas-sħana.
Intant, Guterres qal: “Nista’ nirrapporta uffiċjalment li għadna kif esperjenzajna għaxar snin ta’ sħana fatali. Fl-2025, il-pajjiżi jridu jpoġġu lid-dinja fi triq aktar sigura billi jnaqqsu b’mod drammatiku l-emissjonijiet u jappoġġaw it-tranżizzjoni għal futur rinnovabbli. Dan kollu huwa essenzjali u huwa possibbli.”
Is-Segretarju ġenerali tal-WMO, Celeste Saulo, qalet li kull grad ta’ tisħin wassal għal żieda fl-estremi klimatiċi, bit-temperaturi juru “biss parti mill-istampa kollha”.
Hija qalet li s-sena li għaddiet rajna ammont rekord ta’ xita, avvenimenti ta’ għargħar u telf ta’ ħajjiet f’tant pajjiżi, li kienu ta’ weġgħa kbira għall-komunitajiet f’kull kontinent.