Wednesday, June 18, 2025

Esperjenzi bħal dawn jgħallmuna ħafna biex nikbru, nitgħallmu u nirritornaw aktar b’saħħitna u aktar determinati minn qatt qabel – Amy Cunningham

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-karate ?

Minn età żgħira kont midħla tal-isport, u għalkemm bdejt nittrenja l-karate meta kelli seba’ snin, qabel kont nippratika wkoll il-ballet u l-ġinnastika. Il-passjoni tiegħi għall-karate bdiet tidher

waqt esperjenza ta’ skola sajf, fejn kont inkun ħerqana ħafna għal-lezzjoni tal karate li kienet issir darba fil-ġimgħa. Minn dak il-mument għaraft li l-karate kien aktar minn sempliċi sport għalija.

Ħa mmur mal-ewwel punt. X’inhuma l-ewwel kummenti tiegħek wara l-parteċipazzjoni tiegħek fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2025 f’Andorra, fejn irbaħt midalja tal-bronż fil- Kumite (-68kg), iżda din imbagħad ġiet revokata?

Inħossni onorata li kelli l-opportunità li nipparteċipa fl-aħħar edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, li għaliha ħejjejt ruħi b’dedikazzjoni kbira permezz ta’ ħafna sagrifiċċji. Għalkemm ir-riżultat finali ma rriflettiex l-isforz u s-siegħat ta’ taħriġ li investejt, hekk kif sfortunatament f’mument kruċjali lejn tmiem il-logħba għamilt fawl li swieni ċ-ċans li nkompli nimxi ’l quddiem fil-kompetizzjoni. Madankollu, esperjenzi bħal dawn jgħallmuna ħafna biex nikbru, nitgħallmu u nirritornaw aktar b’saħħitna u aktar determinati minn qatt qabel!

X’suċċessi maġġuri ksibt fil karriera tiegħek sa issa?

Matul il-karriera tiegħi kelli l-unur li nattendi diversi kompetizzjonijiet internazzjonali fejn irnexxieli navvanza b’suċċess grazzi għax xogħol ta’ tmexxija li li jagħmlu l-coaches miegħi, fostom is-Sensei tiegħi, Josef Antonelli flimkien mas-sapport kontinwu li nirċievi mingħand il- ġenituri, li dejjem emmnu fija. Fost is-suċċessi ewlenin tiegħi hemm diversi medalji miksuba fl- edizzjonijiet tal-Logħob tal-Pajjiżi Żgħar organizzati mill-SSEKF, sena wara sena. Wieħed mis- suċċessi li nżomm l-aktar għal qalbi hu li kull darba li nikkompeti barra minn Malta – minkejja li ġejjin minn gżira żgħira – dejjem irnexxieli nikseb riżultati tajbin fil-kumite.

Kif tqis il-livell tal-karate f’pajjiżna fil-preżent?

Il-livell ta’ karate f’Malta avvanza ‘l quddiem tassew mill-bidu tal-karriera tiegħi s’issa, bis saħħa tad-dedikazzjoni tal-federazzjoni Maltija flimkien max-xogħol u l-isforz kollu li jagħmlu l-coaches magħna l-atleti biex dejjem niksbu r-riżultat li jmiss.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Ir-riżorsi ta’ taħriġ li għandna f’Malta qed jitjiebu kontinwament, u hemm impenn biex ix-xogħol isir b’mod serju kemm fil-klabb kif ukoll barra minnu. Apparti t-taħriġ tekniku u tattiku fil-klabb, nagħmlu wkoll ħafna xogħol fil-gym u training adattat għas saħħa fiżika li hija daqstant importanti, biex dejjem nkunu fl’aħjar forma possibli għall-kompetizzjonijiet. Madankollu, biex nilħqu livell għoli verament, ħafna drabi jkollna mmorru għal training camps barra minn Malta – xi ħaġa li hija importanti ħafna imma fl-istess ħin diffiċli, għax dawn jinkludu spejjeż kbar.

Minkejja dan, il-federazzjoni tgħin kontinwament ukoll billi ġġib coaches barranin f’Malta sabiex

ikollna taħriġ ta’ livell għoli lokalment. Il-Federazzjoni Maltija tal-Karate toganizza żewġ

kompetizzjonijiet nazzjonali importanti li jagħtu opportunità lill-atleti lokali biex juru ħilithom.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-karate?

Għalija, hu essenzjali li nsib bilanċ bejn l-istudju u l-karate minkejja li dan mhux dejjem faċli, speċjalment meta jkollok taħriġ intens u kompetizzjonijiet barra minn Malta, imma meta tħobb dak li tagħmel, issib il-mod kif tlaħħaq. Dejjem inħares ’il quddiem għall-kompetizzjoni li jmiss, għax għalija l-karate mhuwiex biss sport imma stil ta’ ħajja u vjaġġ kontinwu.

Inħoss li għad fadalli ħafna fejn nimraħ u nikber fl’isport tiegħi u wieħed mill-għanijiet prinċiplia tiegħi hu li xi darba nikseb medalja fil-K1 League – wieħed mill-ogħla livelli fil-karate

internazzjonali. Naf li biex nasal hemm, irrid inkompli naħdem bla waqfien, għax xejn ma jiġi b’xejn. Nibqa’ mmotivata biex inkompli nagħti l-aħjar tiegħi kull darba li noħroġ fuq it-tatami għax kull kompetizzjoni iġġib magħha eperjenzi u tagħlim uniku.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-karate.

Il-mixja lejn suċċess fil-karate mhijiex faċli – u lanqas m’għandha tkun. Li kieku kienet faċli, kulħadd jagħmilha. Imma proprju minħabba li hija diffiċli, tagħmilha sabiħa u ta’ valur. Jekk

tassew tħobb dan l-isport, trid tkun lest/a li tagħmel sagrifiċċji, taħdem bla waqfien, u fuq kollox temmen fik innifsek – anke meta ħaddieħor ma jemminx fik.

Huwa importnati li ma tħalli lil ħadd jikkonvinċik li m’intix kapaċi. Għax jekk inti temmen fik, taħdem b’passjoni, u tkun mdawwar/a b’nies li jemmnu fik – kollox huwa possibli. Il-karate ma jgħallmekx biss kif tiġġieled fuq it-tatami imma jgħallmek kif iżżomm sod fil-ħajja.

Żomm sod, emmen fik innifsek u qatt tieqaf timraħ! 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport