Il-kumpanija ta’ wieħed mis-suppost esperti fl-inkjesta Vitals hi reġistrata fuq indirizz ta’ xelter tal-klieb u tal-qtates u ta’ ċentru tal-idroterapija għall-klieb. Dan is-suppost espert huwa Greg Gillespie. Gillespie kien ġie Malta fil-11 ta’ April tas-sena 2022 biex xehed fl-inkjesta dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet li tmexxit mill-Maġistrat Gabriella Vella.
Ftit tal-jiem wara kien ippublikat rapport f’The Times li mhux biss ħabbar iż-żjara ta’ dan is-suppost espert iżda ingħataw ukoll dettalji dwar x’kien l-iskop ta’ din iż-żjara u saħansitra kien ippublikat ritratt ta’ Gillespie quddiem il-Qorti hekk kif spiċċa jagħti x-xhieda tiegħu. Dak li jiħri f’inkjesti Maġisterjali suppost li jkun mill-iktar kunfidenzjali u jkunu jaf bih biss il-Maġistrat jew Maġistrata u numru żgħir ħafna ta’ nies oħrajn.
F’kummenti li kien anki għadda lil The Times Gillespie kien qal li kien ġie Malta sabex jippreżenta dak li kien deskritt bħala rapport dwar il-kumpanija Accutor AG. Huwa kien qal li sab ħafna rabtiet ma’ Malta. The Times kienet anki rabtet ir-rapport ta’ Gillespie mal-eks Prim Ministru Joseph Muscat.
IT-TORĊA tista’ tizvela li Gillespie ħejja r-rapport wara li kellu kwistjoni dwar ħlasijiet mal-kumpanija Accutor AG stess. Fix-xhieda tiegħu huwa ma sab ebda problema li jgħid li kien f’kuntatt ma’ ġurnalisti u għaqdiet Maltin.
Din il-ġimgħa waqt seduta fil-Qorti, l-avukat Kathleen Grima għamlet talba biex mal-informazzjoni li se tintbagħat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali lill-awtoritajiet Amerikani, tiddaħħal nota illi fiha jingħad li fl-inkjesta Vitals, Gillespie xehed li kiseb informazzjoni dwar transazzjonijiet bankarji mingħand sors illegali u li fix-xhieda tieghu ma riedx jgħid min kien dan is-sors.
L-avukat Grima qalet li mhux magħruf jekk dawn it-transazzjonijiet humiex foloz jew veritieri iżda l-esperti fl-inkjesta Vitals emmnuhom u mxew fuqhom. Iddeskriviet ix-xhieda ta’ Gillespie bħala waħda tal-fantaxjenza fejn saħansitra xehed li huwa għamel ir-rapport tiegħu għall-gost.
L-inkjesta Vitals damet għaddeja 5 snin, swiet €11-il miljun u fuq il-bażi tagħha, lejliet l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ Mejju tas-sena l-oħra, tressqu quddiem il-Qorti numru kbir ta’ persuni fosthom l-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Meta fl-aħħar xhur inbdew il-proċeduri, il-Qorti għamlet sensiela ta’ talbiet sabiex jagħti x-xhieda tiegħu l-espert ewlieni li mexxa din l-inkjesta, l-Irlandiż Jeremy Harbinson.
Madankollu Harbinson baqa/ dejjem jirrifjuta li jixhed bil-Qorti ssejjaħ r-raġunijiet mogħtijin minnu bħala infondati. Din il-ġimgħa l-Maġistrat Lara Lanfranco qalet li fiċ-ċirkostanzi fejn Harbinson ma jridx jixhed, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali bħala l-prosekutur għandu d-dover li jibda jaħseb x’se jagħmel.

