Dokument li qiegħda tippublika llum IT-TORĊA jikkonferma li l-espert fl-inkjesta Vitals, Vincent Bradley, talab li jitħallas għal xogħol li huwa nnifsu xehed taħt gurament li m’għamilx.

Id-dokument li qegħdin nippubblikaw jinkludu dettalji ta’ wħud mill-invoices li Bradley ippreżenta lill-Maġistrat Gabriella Vella biex jitħallas. Kif jidher minn dan id-dokument, l-espert talab li jitħallas eluf ta’ ewros fost oħrajn għal :
- “Consideration of charges and related analysis and discussions
- Liaising with Sam re court sitting and charges and related analysis and discussions
- Meeting Magistrate, consideration of charges and additional data searches and related discussions
- Reading attachments re charges, Law excerpts and review of charge sheet. Responding to Magistrate queries”
Meta l-ġimgħa l-oħra Bradley xehed fil-Qorti b’rabta ma’ kawża dwar l-ordnijiet ta’ iffriżar fil-konfront ta’ numru ta’ persuni, fosthom l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, kien mistoqsi mill-avukat Vincent Galea li qed jidher ghan-nom ta’ Dr Muscat, dwar jekk huwa kienx involut fit-tfassil tal-akkużi li fuq il-bażi tagħhom eventwalment tressqu quddiem il-Qorti l-eks Prim Ministru u numru kbir ta’ persuni oħra. Bradley wieġeb b’mod kategoriku li huwa ma kellu ebda involviment fit-tfassil ta’ dawn l-akkużi.
Id-dokument li qegħdin nippublikaw iżda juri l-oppost ta’ dak li l-espert xehed bil-ġurament quddiem l-Imħallef Edwina Grima. Jirriżulta fil-fatt li Bradley innifsu talab lill-Maġistrat Vella sensiela sħiħa ta’ ħlasijiet li ġġustifikahom billi qal li kienu relatati ma’ xogħol fuq l-akkużi u fl-invoices tiegħu l-espert saħansitra niżżel li anki iltaqa’ mal-Maġistrat Gabriella Vella u mal-espert ewlieni tal-inkjesta Jeremy Harbinson biex jiddiskutu dawn l-istess akkużi.
Fuq il-bazi tax-xhieda ġuramentata ta’ Bradley tal-ġimgħa li għaddiet, id-dokument li qegħdin nippubblikaw iqajjem mistoqsijiet kbar u serji dwar il-veraċità tal-invoices mibgħutin minn dan l-istess espert lill-Qorti jew tax-xhieda tiegħu mogħtija fil-Qorti. Fil-ġimgħat li għaddew uffiċjali għolja tal-Qorti xehdu li t-talbiet tal-esperti għall-ħlasijiet kienu jitressqu lill-Maġistrat Gabriella Vella, li minn naħa tagħha kienet tapprova li jsiru dawn il-ħlasijiet.
L-inkjesta Vitals damet biex tlestiet ħames snin, swiet €11-il miljun u kienet ippreżentata lejliet l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tas-sena l-oħra.