Espert Irlandiż li ħadem fuq l-inkjesta tal-isptarijiet, f’xhieda fil-Qorti lbieraħ, giddeb dokument iffirmat mill-Maġistrat Gabriella Vella li kienet responsabbli mill-istess inkjesta.
F’seduta f’kawża dwar ordnijiet ta’ ffriżar tal-assi fil-konfront tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat u numru ta’ persuni oħra quddiem l-Imħallef Edwina Grima, l-espert Irlandiż Andy Coles, intalab jgħid jekk huwa ħax ġurament f’Malta dwar ix-xogħol illi wettaq fl-inkjesta. L-espert wieġeb illi ma kien ħa l-ebda ġurament.
Fuq il-bażi ta’ din it-tweġiba, l-avukati tad-difiża rreferew lill-espert Irlandiż għal dokument fl-inkjesta illi huwa ffirmat mill-Magistrat Gabriella Vella u li jgħid li fit-22 t’April 2024, huwa flimkien ma’ numru ta’ esperti oħra, ħalef fuq il-Bibbja quddiem l-istess Maġistrat biex jikkonferma illi x-xogħol illi għamel, wettqu b’onestà u bl-ikbar abbilità. Is-Sur Coles iżda baqa’ jinsisti li huwa qatt ma ħa dan il-ġurament u żied li huwa qatt ma’ ltaqa’ mal-Maġistrat Vella.
Is-seduta tal-bieraħ trattat ukoll is-search li kienet saret fid-dar tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Għall-mistoqsijiet li sarulu mill-avukati tad-difiża, Coles qal illi huwa qatt ma ġew f’Malta b’rabta mal-inkjesta tal-isptarijiet iżda kien Malta b’rabta ma’ inkjesta oħra. Ghal iktar mistoqsijiet irriżulta iżda li minkejja din id-dikjarazzjoni, Coles kien Malta meta saret is-search fid-dar tal-eks Prim Ministru f’Jannar 2022 u ntalab minn espert Irlandiż ieħor, Sam Sittlington, biex imur flimkien miegħu u ma’ esperti oħra biex iwettqu din is-search.
Dan kollu seħħ minkejja li Coles ma kienx għadu nħatar bħala espert fuq l-inkjesta tal-isptarijiet. Fil-fatt fil-Qorti huwa kkonferma li nħatar espert fuq l-inkjesta tal-isptarijiet disa’ xhur wara s-search, f’Ottubru 2022. Mistoqsi kienx jaf x’ried ifittex eżatt fid-dar ta’ Dr Muscat, Coles qal li dakinhar ftit li xejn kellu idea tal-inkjesta tal-isptarijiet, u li ntqal biss lilu biex jara jsibx affarijiet marbuta ma’ Vitals jew Steward. Mistoqsi jekk huwa personalment sabx xi ħaġa ta’ interess fis-search, Coles wieġeb li ma kien sab xejn.
Mistoqsi jekk ivverifikax jekk huwa kienx awtorizzat illi jiehu sehem f’din is-search, l-espert Irlandiż wieġeb biss illi kien Sittlington illi kienu talbu biex jingħaqad miegħu u ma’ esperti iħra fis-search. Mix-xhieda mogħtija minn Coles irriżulta illi s-search fid-dar tal-eks Prim Ministru saret biss mill-esperti barranin u ma kienx hemm involviment ta’ pulizija Maltija u li kien l-Irlandiż Sittlington li ta brief lill-esperti l-oħra dwar is-search, u li kien huwa li kkordina s-search. Dan jikkontradixxi dak li Sittlington qal f’xhieda ohra fil-Qorti, meta kien stqarr li huwa kien biss contact point mal-Maġistrat Vella.
Filwaqt li kkonferma li huwa kien ra r-rapport finali tal-inkjesta, meta mistoqsi jekk huwa jaqbilx ma’ dan ir-rapport, Andy Coles wieġeb li din hija mistoqsija li diffiċli biex iweġibha. L-espert qal li huwa assista fi drafts bikrija ta’ xi appendices iżda mhux f’dawk finali. Mistoqsi dwar min kien ix-xogħol li ħadem fuqu huwa, semma persuna Amerikana u oħra Kanadiża. Coles qal li ma jafx min għamel ir-rapport finali. Għalih ir-rapport huwa ta’ Jeremy Harbinson u l-opinjonijiet fih huma biss ta’ Harbinson.
Għal numru ta’ mistoqsijiet li sarulu l-espert Irlandiż wieġeb li huwa ma kienx involut la fl-akkużi li nħarġu u lanqas fl-ordinijiet ta’ iffrizar illi saru. Qal li ma kienx huwa li ħareġ bl-ammont ta’ €30 miljun fuq l-ordni ta’ ffriżar fil-konfront tal-eks Prim Ministru u kompla jgħid li ma jafx min ħareġ b’dan l-ammont.
Meta l-avukati tad-difiża staqsew lil Coles meta nħatar bhala espert fl-inkjesta huwa wieġeb li dan kien ġara f’Ottubru 2022. Meta l-avukati tad-difiża ġibdulu l-attenzjoni illi skont dokumenti tal-inkjesta huwa nħatar bhala espert fit-2 ta’ Settembru 2020, l-espert baqa’ jsostni fuq id-data tal-2022. Mistoqsi min kien iħallsu għax-xogħol fl-inkjesta, u jekk kienx jithallas huwa personalment jew jekk hux permezz ta’ xi kumpanija, l-espert wieġeb li huwa kien jitħallas minn Harbinson Forensics permezz tal-kumpanija tieghu Rhinoconsulting. Din il-kumpanija ġiet xolta fil-25 ta’ Frar ta’ din is-sena.
Fil-bidu tas-seduta l-avukati mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali oġġezzjonaw illi tiġi eżaminata l-integrità u l-kwalifici tal-esperti. Fl-istess ħin l-avukat Vince Galea f’isem l-eks Prim Ministru, ġibed l-attenzjoni għal allegazzjoni li għamel Manuel Delia f’artiklu f’gazzetta lokali, illi Jeremy Harbinson jew inxtara jew qed jigi mhedded biex ma jixhidx. Il-Qorti talbet lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex tinvestiga din l-allegazzjoni.
Is-seduta tal-bieraħ kienet karaterizzata mill-fatt li kien hemm diffikultà teknika sabiex isir kuntatt permezz tal-video conference mal-espert u kellhom jgħaddu kważi disgħin minuta biex Coles beda jagħti x-xhieda tiegħu. Kien hemm qbil illi fis-seduti li jmiss f’Lulju, jintalbu jixhdu tmien esperti ohra. L-Imħallef Edwina Grima qalet li l-Qorti issa trid tfittex l-indirizzi postali u elettroniċi tal-esperti biex ikun jista’ jsir kuntatt magħhom u mbagħad il-Qorti trid tistenna jekk l-esperti jaċċettawx li jixhdu.