Friday, December 20, 2024

Espert Irlandiż fl-inkjesta Vitals imwissi mill-Qorti biex jgħid il-verità

Aqra wkoll

Meta lbieraħ kompliet tinstema’ l-kawża dwar l-inkjesta Vitals, Dr Sam Sittlington, espert Irlandiż imqabbad mill-Maġistrat Gabriella Vella, kien cautioned u imwissi b’mod uffiċjali għal numru ta’ drabi mill-Qorti li huwa kien qiegħed jixhed taħt ġurament u għalhekk ried jghid il-verita’ għaliex jekk le, jistgħu jittieħdu passi kontra tiegħu u jkun hemm konsegwenzi serji fosthom priġunerija. L-istess twissija saritlu l-Erbgħa meta kien qiegħed jixhed waqt seduta oħra ukoll dwar il-każ Vitals.

Fis-seduta tal-bieraħ Dr Franco Debono, wieħed mill-avukati difensuri, staqsa lil Dr Sittlington jekk waqt li kien qiegħed jaġixxi ta’ espert fl-inkjesta Vitals, allegatament ipprovax ibigħ is-servizzi tiegħu lill-korp tal-Pulizija. L-espert Irlandiż wieġeb illi dan huwa parzjalment veru, iżda l-mod kif kienet qed tiġi fformulata l-mistoqsija kien totalment żbaljat, għaliex skont huwa kien il-Kummissarju tal-Pulizija li kien avviċinah għal proposta.

Dr Debono staqsa lil Dr Sittlington jgħid jekk kienx ippropona ċ-ċifra ta’ €936,000 għas-servizzi tiegħu lill-korp tal-Pulizija. Ix-xhud wieġeb li ma jiftakarx jekk kienx hemm ċifra mehmuża mal-proposta li kien għamel oriġinarjament. Fis-seduta tal-Qorti tal-Erbgħa wara li l-Maġistrat Rachel Montebello fakkret lil Dr Sittlington li jekk ma jgħidx il verità hemm il konsegwenzi, qal li huwa possibli li kien hemm rata ta ħlas fil proposta li għamel lill-pulizija, meta ftit qabel kien qal li ma kienx ressaq rata. Fis-seduta tal-bieraħ, il-Magistrat Leonard Caruana fakkar lix-xhud li kien taħt ġurament u li xhieda falza hija punibbli bil-ħabs.

Matul is-seduta tal-Ħamis, bħalma għamel il-ġurnata ta’ qabel l-espert xehed li l-irwol tiegħu fl-inkjesta kien dak ta’ liason officer u assistent tal-Maġistrat Vella. Madankollu iktar ‘il quddiem fis-seduta sar magħruf li waqt li kienet għaddejja l-inkjesta kien hemm okkażjonijiet fejn huwa kien preżenti meta l-Maġistrat bagħtet għal xi persuna biex tkellimhom, u anki għamel mistoqsijiet lil dawn l-istess persuni, ħa sehem f’xi searches li saru b’rabta mal-inkjesta u kien jikkordina ma’ esperti oħra Irlandiżi.

F’dan il-kuntest Dr Debono qal lil Dr Sittlington illi kien ipparteċipa b’mod attiv fl-inkjesta u li kellu rwol ċentrali mhux biss bħala assistent. “Jien ma kontx assistent biss,” wieġeb ix-xhud. F’dan il-mument intervjena l-Maġistrat Caruana. “Mhux assistent? Dik mhix l-impressjoni li ħadet il-Qorti meta spjegajt bil-ġurament iktar kmieni. Irrid infakkrek li għandek tgħid il-verità u l-verità kollha,” sahaq il-Maġistrat.

Quddiem din it-twissija tal-Maġistrat Caruana, Dr Sittlington elabora li fl-inkjesta kien hemm żewġ proċessi, li tiġbor id-dejta u mbagħad li tikteb ir-rapport. Qal li huwa serva bħala wieħed mill-esperti li għen fil-ġbir u l-organizzazzjoni tad-dejta fl-ewwel fażi u kellu rwol li huwa sejjaħ bħala minuri fit-tieni fażi tal-kitba tar-rapport. Dwar ir-rapport iżda reġa’ naqas għal darba oħra milli jieħu responsabilita’ tiegħu minkejja li ffirmah għaliex qal illi huwa ffirma bħala assistent u l-investigazzjonijiet tmexxew minn ċertu Jeremy Harbinson.

Fil-bidu tax xhieda tiegħu Dr Sittlington ippreżenta USB stick u sett ta’ dokumenti li qal li huma ġodda u li ma waslux għand il-Magistrat Vella imma li hemm riferenza għalihom fl inkjesta. Sittlington qal li huwa ħejja d dokumenti l ġodda. Skont l-espert Irlandiż dawn id-dokumenti kienu nieqsa minħabba dik li sejjaħ bħala xi problema teknika meta kienu trasferiti minn hard drive għall-oħra u minħabba li l-esperti tal-kompjuter setgħu naqsu milli jtellgħu d-dokumentazzjoni kollha minħabba kwistjoni ta’ nuqqas ta’ spazju.

Dr Debono rrimarka li din hija sitwazzjoni gravi. “Din kienet waħda mill-aktar inkjesti importanti. Ma nistgħux issa jkollna wieħed mill-aktar esperti importanti li jiġi u jippreżenta informazzjoni ġdida bħallikieku hija xi ħaġa normali. Fuq il-bażi tax-xogħol tiegħu, ġew akkużati persuni ta’ profil għoli. Hawnhekk qed nitkellmu dwar il-libertà tan-nies. Nies li huma akkużati b’reati serji’, kompla Dr Debono.

Mistoqsi jgħid jekk il-Maġistrat Vella kkonkludietx l-inkjesta tagħha mingħajr aċċess għal din id-dokumentazzjoni ġdida, ix-xhud wieġeb illi l-Maġistrat kellha riferenzi u li kien hemm nieqes kienet il-kopja tad-dokumenti nfushom. Dr Sittlington żied jgħid illi l-kwistjoni tad-dokumentazzjoni nieqsa giet indirizzata f’madwar xahar wara li tlestiet l-inkjesta.

Il-Maġistrat Leonard Caruana ordna lir-reġistru tal-qorti biex jibgħat l-informazzjoni ġdida kollha ppreżentata l-Ħamis mill-espert Irlandiż, lid-difiża.

L-inkjesta Vitals swiet €11-il miljun.

Il-każ ikompli.

Ekonomija

Sport