Espert fl-inkjesta Vitals ma riedx iwieġeb meta kien mistoqsi ripetutament jekk ivverifikax li s-€60,000 li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat tħallas mill-kumpanija Accutor kienu ta’ xogħlijiet li fil-fatt twettqu minn Dr Muscat.
Meta lbieraħ kompliet tinstema’ l-kawża relatata ma’ freezing orders ta’ wħud mill-akkużati dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet, l-espert Irlandiż Vincent Bradley ikkonferma illi l-eks Prim Ministru qatt ma ffirma kuntratti ta’ xogħol ta’ €30 miljun, is-somma li fuqha saret it-talba għal freezing order fil-konfront tiegħu. Mistoqsi jgħid jekk fil-konfront ta’ Dr Muscat, apparti s-€60,000 li tħallas minn Accutor tax-xogħol li għamel, hemmx involuti flus oħra, l-espert wieġeb illi ma hemmx.
Evidenza u mhux opinjoni
F’dan l-istadju Bradley intalab jgħid għal iktar minn darba mill-avukat Vincent Galea jekk huwa vverifikax li s-€60,000 li jissemmew huma flus leġittimi ta’ xogħol li twettaq mill-eks Prim Ministru. L-espert ma riedx iwieġeb anki meta l-istess mistoqsija saritlu mill-Imħallef Edwina Grima li quddiemha qed tinstema’ l-kawża. Ippressat biex jagħti tweġiba, Bradley qal li l-opinjoni tiegħu tinsab fl-inkjesta. L-avukat Galea rrimarka li fil-Qorti li tgħodd hija l-evidenza u mhux l-opinjonijiet u staqsa lill-espert Irlandiż fuq liema evidenza bbaża l-opinjoni tiegħu. Bradley mill-ġdid kien jaf iwieġeb biss li kollox jinsab fl-inkjesta.
Waqt li rrefera għal iktar minn darba għall-Maġistrat Gabriella Vella li mexxiet l-inkjesta Vitals, bħala Gabriella, fix-xhieda tiegħu Bradley qal li huwa ma kellu x’jaqsam xejn mal-freezing orders li nħarġu fuq il-bażi tal-inkjesta. Mistoqsi minn fejn allura ġew il-figuri ta’ miljuni kbar li jissemmew fil-freezing orders huwa wiegeb li dawn ħarġu bihom min-naħa tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-espert ikkonferma li l-analiżi finanzjarja min-naħa tiegħu fl-inkjesta kienet ftit ħafna u li qatt ma wasal għal konklużjonijiet dwar kemm kull individwu u kumpanija akkużati, allegatament irċevew mill-konċessjoni tal-isptarijiet.
Bradley iddefenda lill-espert ewlieni Jeremy Harbinson u qal li jifhem għaliex wara li tħallas €11-il miljun tal-inkjesta, Harbinson kiteb lill-Qorti illi kien hemm bżonn ta’ iktar investigazzjonijiet. F’dan l-istadju l-Avukat Galea staqsieh jekk dal-kliem ifissirx li l-inkjesta tal-Magistrat Vella mhix konklussiva. Bradley ma weġibx le u qal biss li dak iridu jarawh l-avukati. Mistoqsi jekk kienx sorpriż bl-akkużi li nħarġu fuq il-bażi tal-inkjesta, l-espert wieġeb iva u le. Ikkonferma li huwa ma kienx involut fit-tfassil tal-akkużi waqt li qal li f’żewġ inkjesti oħra li ħadem fuqhom huwa, waħda relatata mal-kumpanija Kasco u oħra dwar kontijiet miftuħa fil-Panama, Dr Joseph Muscat ma jissemmix.
Ma jafx x’fiha l-inkjesta
Xhud ieħor kien l-Irlandiż Ciaran Mcllwee li għal ħafna mistoqsijiet li sarulu wieġeb illi ma jafx. Huwa qal li r-rapport finali tal-inkjesta ma rahx u ma jafx x’fih. L-espert qal li huwa ma kellux x’jaqsam mal-akkużi li nħarġu u mal-freezing orders. Mistoqsi kemm kien jitħallas tax-xogħol tiegħu huwa qal li kellu paga fissa ta’ 42,000 lira sterlina fis-sena.
Mcllwee qal li l-ġurament dwar ix-xogħol tiegħu quddiem il-Magistrat Vella ħadu online fl-2003. L-Avukat Galea gibidlu l-attenzjoni li dokument li għandha l-Qorti juri li dan il-gurament fil-fatt ittieħed fid-19 ta’ April 2024. L-espert l-ewwel qal li ma jiftakarx iżda iktar tard qal li qed jiftakar li ffirma fl-2024 għaliex kien biddel ix-xogħol.
L-aħħar kelma kienet ta’ Jeremy Harbinson
Xehed ukoll Martin Neeson, espert iehor ukoll Irlandiż. Mitlub jgħid kemm kienet ir-rata ta’ hlas tiegħu kull siegħa, Neeson ma riedx iwieġeb għaliex qal li din hija informazzjoni kummerċjali. L-avukat Galea baqa jisħaq li jagħti twegiba għaliex mill-invoices ipprezentati joħroġ li ntalab ħlas ta’ €230 fis-siegħa għax-xogħol tiegħu. Mistoqsi jikkonferma jekk huwa kienx jitħallas b’din ir-rata, l-espert wieġeb le u qal li kien jithallas nofs dik ir-rata.
Huwa kkonferma li ta kontribut fir-rapport tal-inkjesta iżda qal li l-aħħar kelma kienet ta’ Jeremy Harbinson. Qal li ma kienx involut fil-freezing orders u li qatt ma stabilixxa kemm allegatament l-akkużati ħadu flus mill-konċessjoni. Mistoqsi jgħid min wasal għal dawn l-ammonti Nelson ma kienx jaf iwieġeb.
Jixhed biss jekk jithallas
Intant, fil-bidu tas-seduta, l-Imhallef Grima qalet illi l-Qorti għamlet kuntatt mal-espert Alan Heath biex jixhed fis-seduta tal-bieraħ iżda dan wiegeb li jixhed biss jekk jitħallas tal-ħin li għamel jistenna f’seduta oħra minħabba l-flus li tilef. Huwa kien informat illi l-esperti ma jitħallsux biex jixhdu u meta reġa’ ntalab biex jixhed, ma ta ebda tweġiba. Kellu jixhed ukoll l-espert Callum Coulter iżda meta l-Qorti bagħtet tinformah b’email, irċeviet tweġiba li huwa ma kienx għadu jaħdem mal-kumpanija fejn intbagħtet l-email.
L-Imħallef Grima qalet li hija lanqas indirizzi fiżiċi tal-esperti m’għandha għaliex kieku x-xogħol kien isir kif suppost. L-avukat Vincent Galea rrimarka li fadal 22 espert ieħor li jrid jixhed u saħaq li għandu jinstab l-indirizz fiżiku tagħhom. L-Imhallef ordnat sabiex r-Reġistratur tal-Qorti Kriminali jew il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Qorti jinformawha jekk jeżistux dawn l-indirizzi.