Sunday, September 21, 2025

Espert jitħallas €230 is-siegħa biex jaqra tliet paġni f’kull siegħa

Aqra wkoll

Espert fl-inkjesta Vitals tħallas €230 is-siegħa biex iħares lejn rapport li ħejjiet esperta oħra fl-istess inkjesta. Kien l-espert innifsu David Wright li nhar l-Erbgħa fil-Qorti, għal mistoqsijiet tal-avukat Vince Galea kkonferma li talab ħlas biex, skontu, jagħmel ‘analiżi’ ta’ rapport li tħejja minn esperta oħra fl-inkjesta, Miroslava Milenovic.

Talli ra x’kitbet waħda mill-kollegi tiegħu, Wright tħallas €7,360. Ir-rapport li kitbet Milenovic fih 100 paġna u fil-Qorti, Wright qal li biex iħares lejn ir-rapport ħa 32 siegħa. Dan ifisser li għal kull siegħa li tħallas, Wright qara tliet paġni biss tar-rapport u ta’ kull paġna li qara tħallas €76.

Mistoqsi fil-Qorti f’hiex kien jinvolvi x-xogħol tiegħu fuq ir-rapport ta’ Milenovic, Wright wieġeb li sempliċiment ried jara jekk Milenovic sabitx xi ħaġa ġdida li ma kienx sab huwa. Fi kliemu stess iżda, irriżulta li ma kien hemm xejn ġdid.

Fil-Qorti David Wright ikkonferma li fil-bidu tal-inkjesta Vitals immexxija mill-Maġistrat Gabriella Vella, kien jitħallas b’mod personali, iżda fl-1 ta’ Settembru 2021, skontu fuq parir tal-accountant, għal finijiet ta’ tassazzjoni, waqqaf il-kumpanija Kircon Fraud Management Ltd u beda jitħallas permezz ta’ din il-kumpanija. Wara li kienet ippubblikata l-inkjesta f’Mejju 2024, din il-kumpanija ġiet xolta.

L-istess għamel espert ieħor li xehed nhar l-Erbgħa, Alan Heath. Mistoqsi jekk tħallasx huwa personalment jew jekk tħallsitx il-kumpanija tiegħu għax-xogħol fl-inkjesta, l-espert wieġeb li tħallset il-kumpanija tiegħu “AH Training Solutions Ltd.” li twaqqfet fit-12 ta’ Ottubru 2021 waqt li l-inkjesta kienet għadha għaddejja. Mistoqsi għaliex ġara dan, Heath wieġeb minnufih li minħabba skopijiet ta’ ħlas ta’ taxxa.

L-avukat Franco Debono rrimarka li l-fatt li żewġ esperti li ġew nominati fil-vesti personali, spiċċaw jitħallsu permezz ta’ kumpaniji li twaqqfu waqt li l-istess esperti kienu għaddejjin bl-inkarigu tagħhom, iqajjem suspett, iktar u iktar għax koinċidentalment il-kumpaniji twaqqfu ftit ġimgħat ‘il bogħod minn xulxin.

Fix-xhieda tiegħu David Wright qal li waqt li kienet għaddejja l-inkjesta huwa żamm kuntatt ma’ Jeremy Harbinson li qal li kellu f’idejh il-kordinazzjoni tal-inkjesta kollha, waqt li Alan Heath qal l-informazzjoni li deherlu li kienet pertinenti għall-inkjesta, għaddieha kollha lill-istess Harbinson. Minkejja dan Harbinson għadu sal-lum jirrifjuta li jagħti x-xhieda tiegħu dwar l-inkjesta la f’awla tal-Qorti f’Malta u lanqas permezz tat-telekonferenza.

Fis-seduta ta’ din il-ġimgħa l-Imħallef Edwin Grima kien informat li l-Qorti għandha biss l-indirizzi fiżiċi ta’ tlieta minn lista ta’ 30 espert li ħadmu fuq l-inkjesta Vitals. Fil-każ tal-esperti l-oħra jeżistu biss indirizzi elettroniċi.

L-avukat Vince Galea staqsa x’se jiġri jekk l-esperti biddlu l-indirizzi elettroniċi, bl-Imħallef Grima twieġeb li hija ma tistax tagħmel mirakli u li ma tistax tmur tfittex lill-esperti personalment. L-avukat Galea rrimarka li l-indirizzi għandhom jiġu pprovduti minn min ħatar lil dawn l-esperti, li tħallsu €11-il miljun.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport