Friday, November 22, 2024

Esperta tal-media u lecturer fl-Università ta’ Tartu fl-Estonja bi żjara f’Malta

Tisħaq ħafna fuq edukazzjoni ħolistika sabiex kull min juża l-internet partikolarment it-tfal ikunu siguri

Aqra wkoll

Matul il-ġimgħa li għaddiet, tliet skejjel, waħda governattiva, oħra tal-knisja u oħra indipendenti laqgħu lis-Sinjorina Inger Klesment li hi esperta tal-media u lecturer fl-Università ta’ Tartu fl-Estonja. Hi tisħaq ħafna fuq edukazzjoni ħolistika sabiex kull min juża l-internet partikolarment it-tfal ikunu siguri. Hi tispeċjalizza l-iktar fuq l-edukazzjoni ta’ tfal bejn il-ħames u l-għaxar snin li normalment jattendu l-iskola primarja u fejn l-iżvilupp mentali tagħhom ikun għadu għaddej.

Klesment hi wkoll speċjalista fil-komunikazzjoni u l-litteriżmu tal-media fi ħdan il-Baltic Engagement Centre for Combating Information Disorders (BECID). Dan kien ukoll proġett ta’ riċerka li sar proprju fl-Universita’ ta’ Tartu. Klesment kellha sessjonijiet ma’ diversi klassijiet u edukaturi dwar l-użu responsabbli tal-midja soċjali, li f’dawn l-aħħar 15-il sena sar fenomenu ferm komuni. Hi kellha diskussjonijiet interessanti ma’ studenti u edukaturi dwar kif wieħed jidentifika jekk aħbar tkunx fattwali jew inkella falza jew kif jgħidu l-Ingliżi fake news. Hi kompliet ukoll tagħmel sessjonijiet dwar dan kollu għax kif tgħid hi stess it-tagħlim dwar dan is-suġġett qatt m’hu biżżejjed minħabba fenomeni li dejjem qed jiżdiedu. Din iż-żjara kienet koordinata mill-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Estonja u l-Finlandja Dr Kenneth Vella.

Aħna kellimna lis-sinjorina Inger Klesment dwar l-edukazzjoni fuq il-midja soċjali u kemm sar importanti li llum kulħadd ikun jaf x’qed jiġri. Iddiskutejna magħha wkoll l-esperjenza li kellha fl-iskejjel Maltin, dawk tal-iskola primarja tal-Marsa, St Joseph Mater Boni Consilii ta’ Raħal Ġdid u l-iskola indipendenti St Michael. 

“Meta qed nitkellmu dwar edukazzjoni diġitali m’aħniex ninvolvu biss studenti iżda wkoll dawk kollha li jagħtu l-impenn tagħhom sabiex dawn ikunu infurmati. Qed nitkellmu dwar għalliema, pulizija u nies oħra li għandhom responsabbiltà mat-tfal. Fl-Universita’ ta’ Tartu fl-Estonja jien ħadt ħsieb li ninvolvi lil kulħadd għax nemmen fl-aspett ħolistiku tas-suġġett. Bla dubju li t-tfal kienu ċ-ċentru tad-diskussjoni tagħna minħabba li huma l-aktar li jistgħu jintlaqtu jekk xi ħaġa tmur ħażin f’xi azzjoni li jkunu għamlu online. Fl-Estonja jien ninvolvi madwar 40 sieħba interessati sabiex jagħtu sehemhom u nevitaw xi forma ta’ periklu għat-tfal u studenti żgħażagħ.”

Klesment qalet li fl-Estonja għandhom suġġett li jismu l-litteriżmu fil-media u li dan jinfirex mill-ewwel sena tal-primarja sal-11-il sena skolastika, iġifieri sakemm it-tfal ikunu fi skola sekondarja. Qed jaħdmu ħafna u jħarrġu anke għalliema u librara f’dan il-qasam li issa saret in-norma. Kif nafu hawn diversi mezzi soċjali popolari bħal Facebook, Instagram, Snapchat u Tik Tok li saru wisq użati minn kulħadd. L-għan hu li t-tfal ikunu mgħallma sa miċ-ċokon sabiex joqogħdu attenti għal dak li jirċievu kemm f’forma ta’ ittra elettronika kif ukoll permezz ta’ messaġġ fuq il-midja soċjali. Attwalment, Inger Klesment qaltilna li attwalment fl-Estonja hemm ħames proġetti għaddejjin u li qed jinfirxu wkoll f’pajjiżi ġirien bħal-Latvja u l-Litwanja apparti ovvjament l-Estonja. Huma qed jaqsmu r-riżorsi tagħhom sabiex l-affarijiet ikunu iktar effettivi.

Kellimna lil Klesment dwar iż-żjara tagħha f’Malta u x’innutat fost it-tfal Maltin u barranin li jattendu fl-istituzzjonijiet edukattivi tagħna. “F’Malta żort tliet skejjel partikolari li ġejjin minn kull qasam iġifieri governattivi, indipendenti u tal-knisja. Ħdimt mat-tfal fuq role plays, attivitajiet fiżiċi, logħob interattiv u ħafna iktar. Il-logħob għin sabiex l-istudenti jagħrfu aktar u jsiru konxju ta’ dak li qed jiġri madwarhom fid-dinja diġitali li qed ngħixu fiha. Barra minn hekk qed inħarreġ kif nista’ lill-edukaturi sabiex ikunu preparati għal dan il-fenomenu u kif għandhom jirrispondu għalih.”

Inger Klesment kellha rispons enormi mit-tfal u studenti żgħażagħ li litteralment daħlu fil-logħob u ffukaw wisq. Minn dawn il-logħob kien hemm ħafna tagħlimiet li ħarġu u li ħadmu fuqhom. Jidher għalhekk li l-impatt kien wieħed qawwi mit-tfal speċjalment mill-parteċipazzjoni li dehret tajba ħafna. Klesment tkellmet dwar l-aħbarijiet il-foloz li żdiedu ferm tul dawn l-aħħar snin. Hi semmiet li dan kollu hu problematiku għax tfal mhux dejjem jifhmu x’inhu veru u falz. U għalhekk dan is-suġġett hu kruċjali sabiex huma stess jiżnu t-tajjeb mill-ħażin.

“Importanti li anke t-tfal ikunu kapaċi jagħmlu d-deċiżjoni tagħhom fuq dan is-suġġett partikolarment meta huma jkunu waħedhom u meta l-ġenituri jkunu barra. Iridu jiżnu sew persuna minn wara screen ta’ mobile jew kompjuter x’ikun qed jipprova jgħidilhom. Jien naf ukoll li t-tfal huma intelliġenti u jekk tagħtihom l-għodda neċessarja, kapaċi jindunaw li hemm xi ħaġa ħażina. Veru li kulħadd għandu perspettiva differenti iżda l-metodu li qed nipproponu qed ikun effettiv ferm fl-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja.”

Iżda x’inhuma l-pjanijiet futuri ta’ Inger Klesment dwar dan is-suġġett?

“Jien nixtieq li nkompli nferrex aktar dan il-proġett u mmur anke f’kumpaniji kbar dinjija li jħallu influwenza kbira lit-tfal. Il-logħob kollu li huma jipproduċu jkunu jinkludu wkoll xi ħaġa relatata ma’ dan is-suġġett, partikolarment jekk nolqtu etajiet bikrin. B’hekk inkunu qed inwessgħu l-operat tagħna mhux biss f’pajjiżi differenti iżda anke setturi oħra partikolari. L-edukazzjoni dwar id-dinja diġitali mhux biżżejjed u iktar ma persuna tkun taf dwarha, iktar se nolqtu nies. Il-koperazzjoni mad-diversi entitajiet f’dan is-suġġett hi kruċjali sabiex naraw bidla fil-mentalità u aktar għarfien.”

Dr Kenneth Vella hu l-ambaxxatur ta’ Malta għall-Estonja u l-Finlandja. Hu kien il-koordinatur ta’ din iż-żjara li saret mis-sinjorina Inger Klesment. Aħna ħadnielu kummenti dwar dawn is-sessjonijiet fl-iskejjel li ġew ikkordinati minnu sabiex ikun hemm aktar għarfien fuq is-suġġett tad-dinja diġitali. “Din hi żjara li tfisser ħafna għall-pajjiż tagħna b’mod partikolari għas-settur edukattiv. Din hi inizjattiva li ili ħafna naħseb fuqha għax il-pajjiżi fejn jien ambaxxatur ta’ Malta għalihom iġifieri l-Finlandja u l-Estonja mxew ħafna fit-teknoloġija diġitali u anki fil-qasam edukattiv.”

Dr Vella jgħid li dawn il-laqgħat edukattivi li saru f’Malta jikkumplimentaw dawk li saru riċentement dwar miżinformazzjoni għall-adulti u edukaturi permezz tal-entità Finlandiża Faktabaari. Illum il-ġurnata ċ-ċittadini għandhom ikunu l-għodda tal-aħbar, l-aħbar li tkun fuq in-naħa tas-sewwa. Hu qal li Inger Klesment għamlet riċerka estensiva dwar dan is-suġġett u qed tesponihom lit-tfal Maltin sabiex jagħrfu x’inhuma l-affarijiet pożittivi u negattivi tat-teknoloġija diġitali apparti li jkollhom iċ-ċans jiżnu t-tajjeb mill-ħażin. Hu qal li t-tfal irreaġixxew pożittivament għal dawn il-logħob u din hi xi ħaġa verament sabiħa.

“Meta qed insemmu ‘l hekk imsejjaħ fake news, din kapaċi taffettwa negattivament lill-bniedem speċjalment jekk hawn min jesperimenta bit-teknoloġija. Spiċċa ż-żmien li tara biss l-adulti jużaw tablet, laptop, kompjuter jew mobile. Illum din it-teknoloġija qed jużaha kulħadd inkluż it-tfal u għalhekk importanti li anki t-tfal ikunu mgħarrfa b’dak li se jsibu quddiemhom sa minn eta’ tenera. Fuq kollox bħala ambaxxatur inżid li ż-żjara ta’ Klesment tikkonferma wkoll ir-relazzjonijiet eċċellenti bejn Malta, l-Estonja u l-Finlandja u d-diversi inzjattivi li ħadna bħala pajjiżi fl-aħħar snin mhux biss fil-qasam edukattiv iżda anki fl-oqsma tat-teknoloġija diġitali, kulturali, sportivi, turistiċi u gastronomiċi”.

Tkellimna wkoll ma’ Ms Marlene Spiteri li hi l-Kap tal-Iskola Primarja tal-Marsa li tagħmel parti mill-Kulleġġ San Ġorġ Preca. Din kienet ukoll waħda mill-iskejjel li s-sinjorina Inger Klesment żaret f’dawn il-jiem. Kif kienet l-esperjenza tagħha bħala kap ta’ skola li tilqa’ lil din ir-riċekattriċi mill-Estonja?

“Kienet inizjattiva tajba ħafna. It-tfal tagħna llum il-ġurnata jqattgħu ħafna ħin fuq l-internet anke fl-iskola stess għalkemm is-siti fejn jidħlu huma kontrollati. Irridu ngħidu li l-internet hu ċ-ċavetta tat-tagħlim għalkemm illum il-ġurnata b’xorti ħażina jeżistu ħafna perikli. Huwa għalhekk li rridu ngħallmu lit-tfal kull miżinformazzjoni li teżisti, ngħidulhom bil-perikli li jista’ jkun hawn f’din id-dinja diġitali u naraw li jkunu konxji fejn jidħlu online. Din il-ħaġa ma tridx tieqaf biss bejn l-erba’ ħitan tal-iskola iżda wkoll trid tkompli d-dar. U għalhekk l-informazzjoni lill-ġenituri hi kruċjali f’dan il-mument.”

Marlene Spiteri tkellmet ukoll dwar problemi li jinqalgħu bejn it-tfal u li ma jkunux bdew fl-iskola iżda jkunu saru d-dar meta huma jitkellmu fuq l-internet. Ġeneralment xi ġlied jew animożita li jkun hemm tinġarr fl-iskola u dan kollu xejn m’hu sabiħ. Huwa għalhekk li saħqet li bħala edukaturi hu essenzjali jkunu jafu sew dak li jkun qed jiġri. Finalment Spiteri temmet tgħid li bħala kaġ ta’ skola hi qiegħed tagħmel minn kollox biex toffri lill-istudenti tagħha esperjenzi ġodda u innovattivi u xhieda ta’ dan hija ż-żjara ta’ Klesment fl-iskola tagħha. Korsijiet u laqgħat bħal dawn għandhom ikunu frekwenti għax bihom it-tfal u l-edukaturi jitgħallmu ħafna affarijiet apparti li jaġġornaw ruħhom bl-aħħar informazzjoni teknoloġika.

Hi rringrazzjat lill-Ambaxxatur Vella li nkluda wkoll l-iskola tagħha f’din l-inizjattiva u fakkret li sessjonijiet bħal dawn jikkumplimentaw oħrajn li kienu offruti fix-xhur li għaddew minn uffiċjali mid-Dipartiment tal-Litteriżmu Diġitali fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni. 
 
 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport