Ġie żvelat li l-esperti barranin li fl-inkjesta Vitals tħallsu €11-il miljun, u li ma jridux jiġu Malta tħallsu €240 kull siegħa. Barra minn hekk, kull darba li jiġu Malta kienu jitħallsu €50 żejda kuljum u jitħallsulhom l-ispejjeż tat-titjiriet, lukandi u taxis.
Biex żgur ma jaħrabilhom xejn, il-Maġistrat Gabriella Vella saħansitra ffirmat biex jingħataw lura l-flus anki saħansitra meta xtraw plakka (adaptor), numru ta’ usb sticks u bagalja u protector għal wieħed mill-laptops tagħhom. Dan minbarra li kienu jitħallsu għal kull siegħa li jaħdmu, ħlas żejjed kull darba li jiġu Malta. Saħansitra kienu joħorġu kont u jitħallsu tal-ħin li jagħmlu bilqegħda fuq l-ajruplan.
Dan it-tagħrif jirriżulta minn numru ta’ invoices li kienu ppreżentati fil-Qorti fil-jiem li għaddew. F’Lulju 2021 l-esperti talbu li jitħallsu lura €27.45 u €37.94 għal żewg usb sticks li xtraw. L-istess reġgħu għamlu f’Settembru tas-sena 2021 meta talbu li jingħataw lura €119.96 għal erba’ usb sticks. F’Settembru tas-sena 2021 ukoll l-esperti tħallsu lura €23.71 għall-bagalja ta’ laptop, €11.86 għal adapter ta’ laptop u €21.14 għal laptop protector.
Fl-istess ħin kull meta ġew Malta l-esperti kellhom l-ispejjeż kollha tat-taxis li użaw imħallsa. F’żewġ każi separati, f’Lulju tas-sena 2021 u f’Settembru tas-sena 2021, l-esperti saħansitra talbu li jitħallsu lura €12 u €8.60 separatament għal użu li għamlu ta’ taxi. Jirriżulta wkoll li l-esperti spiċċaw tħallsu anki għal ħin tal-ivvjaġġar.
L-esperti ingħataw ukoll allowance extra personali kull meta ġew Malta u anki tħallsulhom l-ispejjeż tat-testijiet tal-Covid li għamlu. Dan minbarra l-ħlas tat-titjiriet kollha lejn Malta u tal-lukandi li qagħdu fihom.
It-titjiriet swew €47,000. L-ispiża fuq il-lukandi tammonta għal €125,000. Ingħataw €38,000 f’allowances personali waqt li t-testijiet tal-Covid swew €5,000. Intefqu kważi €2,400 f’taxis u €286 oħra f’affarijiet relatati ma’ laptop.
F’dawk li huma spejjeż f’lukandi, fi tlett okkażjonijiet differenti f’Lulju, f’Settembru u f’Ottubru 2021, l-esperti tellgħu spejjeż ta’ €9,900, €37,000 u €9,240 rispettivament.
L-invoices ippreżentati sa issa jkopru s-snin 2001, 2022, 2023 u s-sena l-oħra. Il-ħlasijiet kollha lill-esperti kienu approvati mill-Maġistrata Gabriella Vella. Fil-jiem li għaddew fil-Qorti l-kontrollur finanzjarju tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti Bernice Bugeja xehdet li hija għamlet il-pagamenti u ma daħlitx fil-mertu tax-xogħol ghax dan sar għall-Maġistrata Vella. Mistoqsija jekk iqumux dubji meta tara li espert qed jitħallas somom esaġerati, Bugeja wieġbet li dak mhux kompitu tagħha.
Mitluba tgħid jekk hemmx xi awtorità li tanalizza l-pagamenti li jitolbu l-esperti u tiddetermina jekk humiex esaġerati, Bugeja qalet li ma tafx li teżisti xi awtorità bħal din. Għal iktar mistoqsijiet qalet illi ma hemmx capping dwar spejjeż li jsiru mill-esperti fuq lukandi.
Sa issa ġew Malta sabiex jixhdu quddiem il-Qorti dwar ir-rapport tal-inkjesta, l-esperti Sam Sittlington u Miroslava Milenovic. Riżultat tat-tweġibiet li taw ħarġu dubji serji ħafna dwar il-professjonalità u l-integrità tagħhom.
Minn naħa l-oħra Jeremy Harbinson, l-espert ewlieni fl-inkjesta Vitals, li fi kliemu stess kkordina x-xogħol kollu, ilu ġimgħat jirrifjuta milli jimxi ma’ ordni tal-Qorti sabiex jiġi jixhed f’Malta. Għal dokument b’rabta mas-suppost kundizzjoni medika li għandha martu, li l-Qorti tagħtu jumejn ċans biex jippreżenta, qed jgħid li għandu bżonn sitt ġimgħat. Anki jekk fl-istess ħin permezz tal-avukat Peter Fenech, magħruf għal kemm huwa qrib tal-PN, qal li t-tobba infurmawh li l-każ ta’ martu mhux wieħed ta’ urġenza. Madankollu biex ma jiġix Malta, qed jgħid li ma jistax iħalli lil martu waħidha.
Fil-ġranet li għaddew waqt proċeduri dwar l-inkjesta Vitals, l-avukata Gianella de Marco ddikjarat li l-esperti f’din l-inkjesta ħadu l-miljuni u ħarbu. L-inkjesta Vitals mhux biss swiet €11-il miljun iżda ħadet ħames snin biex titlesta u ġiet ippubblikata fil-bidu tal-kampanja elettorali tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta’ Ġunju tas-sena li għaddiet.