Friday, October 3, 2025

Esplora jiżvela l-esperjenza ta’ Halloween L-Isptar tal-Iħirsa (Haunted Hospital)

Aqra wkoll

Dan il-Halloween, iċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza Esplora jistieden lill-familji jesploraw l-aspett ta’ biża’ mil-lenti tax-xjenza permezz tal-programm ta’ attivitajiet li għandu mħejji għal dan il-perjodu, bit-tema L-Isptar tal-Iħirsa (Haunted Hospital). Issettjata fiż-żoni storiċi ta’ dak li qabel kien l-Isptar Navali Rjali, l-esperjenza tgħaqqad l-irrakkuntar tal-istejjer tal-biża’ ma’ tagħlim interattiv għal avventura edukattiva memorabbli.

Il-programm tnieda uffiċjalment matul avveniment għall-istampa li sar fil-Cot Lift ta’ Esplora — ittrasformat b’mod drammatiku b’dekorazzjonijiet tal-biża’ biex jaqblu mat-tema tal-isptar. Għat-tnedija kien hemm Keith Azzopardi Tanti, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Silvio Scerri, il-Kap Eżekuttiv ta’ Xjenza Malta, Mary-Ann Cauchi, Senior Director ta’ Esplora, u Kiki Mizzi, Viċi Direttur għall-Edukazzjoni STEAM. 

L-attivitajiet ta’ din is-sena jagħtu ħarsa aktar mill-qrib lejn il-ġisem tal-bniedem — kif iħoss, jirreaġixxi, ifejjaq, u jipproteġi lilu nnifsu. It-tfal se jsiru xjentisti, tobba, u anke ċelloli bojod tad-demm hekk kif jipparteċipaw f’workshops prattiċi mfassla biex bl-aktar mod aċċessibbli jiddevertu permezz tal-bijoloġija u x-xjenza ta’ saħħet il-bniedem.

Il-punti ewlenin jinkludu Wired Up, fejn it-tfal jittraċċaw is-sinjali tan-nervituri tal-ġisem; What Lurks Beneath, li juża d-dawl UV biex jiżvela mikrobi moħbija; u The Mystery Hospital Files, li jisfida lill-parteċipanti biex jiddijanjostikaw każijiet strambi tal-pazjenti tal-1950ijiet. F’Acid Attack, huma jesploraw il-bilanċ tal-pH tal-ġisem, filwaqt li Dissections jagħti daqqa t’għajn lejn sptar tat-Tieni Gwerra Dinjija billi jeżamina organi reali biex jifhem aħjar x’impatt kellha l-gwerra fuq is-saħħa.

It-tfal iż-żgħar jistgħu jilgħabu bil-Messy Play, f’ambjent sikur fejn se jesploraw ‘demm’ u ‘organi’ taparsi biex jistimulaw is-sensi tagħhom, filwaqt li First Aid Workshop jintroduċi s-saħħa u s-sikurezza f’livell bażiku permezz tal-logħob u role-playing. Attivitajiet oħra jinkludu Build-a-Bone, Red Alert!, Germ Hunters, u Our Body Under Siege — kull waħda mfassla biex tikkombina t-tagħlim mal-gost b’tema ta’ Halloween. 

Waqt li kien qed jitkellem fl-avveniment, is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti faħħar l-inizjattiva taċ-ċentru, fejn qal, “Esplora jkompli jibdel it-tagħlim f’avventura. Permezz ta’ inizjattivi kreattivi bħal dawn, it-tfal jiksbu għarfien xjentifiku filwaqt li jibnu fihom il-fiduċja u l-kurżità.”

Mary-Ann Cauchi, Senior Director ta’ Esplora, żiedet tgħid, “Il-Halloween jagħtina opportunità perfetta biex inżewġu flimkien l-irrakkuntar tal-istejjer, mat-teatru, u max-xjenza. Permezz ta’ STEAM, mhux biss qed ngħallmu l-fatti imma qegħdin inħeġġu l-kreattività, l-immaġinazzjoni u l-ħsieb kritiku.” 

Il-programm tal-Halloween L-Isptar tal-Iħirsa (Haunted Hospital) ta’ Esplora se jsir matul l-1 u l-5 ta’ Novembru u huwa miftuħ għalll-familji u għall-imħuħ kurjużi ta’ kull età.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport