Esplora, iċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza f’isem Xjenza Malta, nieda b’mod uffiċjali l-Programm tas-Sajf 2025 tiegħu, li se joffri staġun sħiħ ta’ attivitajiet edukattivi u ta’ divertiment għat-tfal u l-familji, b’enfasi fuq ix-xjenza, l-esplorazzjoni u l-kurżità.
Il-programm, li se jopera bejn l-1 ta’ Lulju u t-28 ta’ Settembru, se jinkludi wirjiet tax-xjenza interattiva, workshops prattiċi, esperjenzi fil-planetarium u aktar minn 200 esebizzjoni mifruxa f’ambjent klimatizzat u adattat għal kulħadd. Din is-sena, il-programm jintroduċi struttura tematika dinamika li tinbidel kull ftit ġimgħat, b’temi varji li jvarjaw mill-ispazju, in-natura, ix-xjenza tal-ikel u l-isport, sal-festi tradizzjonali Maltin.
L-attivitajiet huma mfassla għal tfal ta’ bejn is-sentejn u l-14-il sena, u joffru approċċ prattiku u divertenti għall-edukazzjoni xjentifika, u li jistimola t-tagħlim awtonomu, l-immaġinazzjoni u l-kreattività.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti faħħar l-impenn ta’ Esplora fil-promozzjoni tax-xjenza fost iż-żgħażagħ u l-familji. “L-Esplora jaqdi rwol importanti fejn bl-aktar mod impenjattiv iwassal ix-xjenza lill-ġenerazzjonijiet żgħażagħ tagħna u dan iwettqu billi joffri programmi li huma aċċessibbli u divertenti. Il-Programm tas-Sajf huwa eżempju brillanti ta’ kif ambjenti li joffru tagħlim informali jistgħu jqanqlu kurżità, kreattività, u imħabba għax-xjenza. Nirringrazzja lit-tim tal-Esplora għad-dedikazzjoni tiegħu talli jkompli jrawwem u jispira ħassieba u innovaturi futuri bl-aktar mod inklużiv.”
Il-Kap ta’ Esplora, Mary Anne Cauchi, qalet “Il-Programm tas-Sajf ta’ din is-sena huwa mfassal biex jispira l-meravilja u l-esplorazzjoni. Bħala Esplora impenjati li nkomplu noħolqu opportunitajiet sinifikanti ta’ tagħlim xjentifiku li huma innovattivi, inklużivi u divertenti għal kull min jgħaddi mill-bibien tagħna.”
Permezz ta’ dan il-programm, Esplora mhux biss joffri alternattiva edukattiva għall-familji matul is-sajf, iżda jkompli jsaħħaħ il-missjoni tiegħu li jqarreb ix-xjenza aktar lejn kulħadd, f’ambjent li jinkoraġġixxi l-għarfien, il-parteċipazzjoni u l-esplorazzjoni għal kulħadd.