Wednesday, March 5, 2025

ESPRESSJONI KULTURALI LI TIMLINA B’KURAĠĠ GĦALL-ĠEJJIENI

Aqra wkoll

Malta għandha l-privileġġ li hi mogħnija b’kultura rikka mifruxa fuq eluf ta’ snin. Fil-fatt, pajjiżna għandu tassew għalxiex jiftaħar bil-wirt u s-siti kulturali illi għandu, u dan minkejja ċ-ċokon tiegħu. Dak kollu li aħna mdawrin bih, dawn il-karatteristiċi li jsawruna bħala poplu u jagħtuna identità, jinżlu tajjeb ferm mat-turisti li jiġu jżuruna kull sena.

Karatteristika minn dawn, minbarra l-ilsien uniku tagħna, huwa l-Karnival li kulma jmur qed ikompli jikber fid-daqs tiegħu, b’attivitajiet varji li jinkludu sfilati, wirjiet u anke briju. Fl-edizzjoni tal-Karnival ta’ din is-sena, wieħed seta’ jinnota l-qabża fil-kwalità f’dik li hija organizzazzjoni, li bla dubju kompliet iżżewwaq il-programm imtella’ minn Festivals Malta.

Dawn il-jiem tal-Karnival kienu jiem ta’ tgawdija għal bosta, minn tfal sa adulti, iżda b’mod partikolari għad-dilettanti li ta’ kull sena jorganizzaw spettaklu liema bħalu fit-toroq ewlenin tal-Belt Valletta u anke fil-Furjana. Ma jistax jonqos lanqas il-Karnival fil-gżira Għawdxija.

Għalhekk ikun xieraq li minn dawn il-kolonni nfaħħru l-impenn u d-dedikazzjoni ta’ dawk il-ħafna dilettanti li jagħtu ħin twil, jaħdmu lejl u nhar mingħajr ma jitħallsu, sabiex joħolqu kuntrasti ġodda li jkomplu jagħmlu lill-Karnival ta’ Malta wieħed ħaj, b’karrijiet u kostumi kif ukoll serati marbuta ma’ dawn il-jiem ta’ briju, ferħ u kuluri.

Dan kollu, il-Gvern jirrikonoxxih ukoll. Tant hu hekk, li l-Gvern qiegħed ikompli jinvesti f’attivitajiet u proġetti li mhux biss joffru divertiment imma jsaħħu l-ispirtu ta’ għaqda u għożża tal-kultura tagħna. Minbarra f’postijiet tradizzjonali bħall-Belt u l-Furjana, li huma sinonimi għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Karnival, qegħdin ukoll naraw dawn l-attivitajiet jinfirxu f’diversi lokalitajiet madwar il-pajjiż kollu. B’dan il-mod kulħadd ikun jista’ jgawdi minn din il-festa tradizzjonali, anke dawk li forsi ma jkunux jistgħu jivvjaġġaw lejn il-Kapitali. Għalhekk is-sostenn mogħti lill-Kunsilli Lokali, anke permezz ta’ għajnuna finanzjarja kienet importanti ferm biex ikompli jiżdied il-livell kif ukoll il-kwalità tal-attivitajiet li jittellgħu.

Din il-kullana ta’ kultura nazzjonali ta’ pajjiżna, se tiżdied b’ħolqa oħra meta jitlesta l-proġett tal-hub tal-arti u l-kultura fil-Marsa, li mhux biss se jkun spazju għall-espressjoni artistika, iżda wkoll ċentru li jgħaqqad komunitajiet u jressaq il-kultura eqreb lejn il-poplu Malti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport