F’dawn l-aħħar snin ilna nisimgħu dwar il-kuxjenza dwar l-ambjent u l-klima, u kemm hija fundamentali biex kemm jista’ jkun nieħdu azzjoni sostanzjali fil-konfront tal-isfidi ambjentali li qed naraw ma’ wiċċna. Kontinwament nisimgħu li l-bidla fil-klima qed taffettwa b’mod qawwi l-pjaneta tagħna, u qed isiru aktar evidenti l-effetti negattivi bħal ngħidu aħna l-livelli tal-baħar li qed jogħlew, it-tnaqqis fil-bijodiversità, u aġġustamenti fit-temperaturi tat-temp. Fortunatament iżda għandna ħafna organizazzjonijiet dinjija u anke individwi li qed jaħdmu qatigħ favur ambjent aħjar.
F’dan ir-rigward tkellimna mal-Inġ. Abigail Cutajar, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Azzjoni Klimatika, fejn rajna wkoll x’inhu eżatt l-għan li għalih twaqqfet din l-Awtorità. Hija qaltilna li “importanti li nsemmu li d-deċiżjoni min-naħa tal-Gvern li jwaqqaf awtorità bħal din kienet meta nħasset il-ħtieġa li l-azzjoni dwar il-klima għandha tkun l-ewwel fuq l-aġenda tagħna.” Spjegat ukoll li l-gvern minn dejjem kien jitkellem fuq is-sostenibbiltà, imma kien qed jiġri li kulħadd kien qed jaħdem b’mod individwali, kull ministru kien qed jagħmel l-għanijiet tiegħu b’mod għalih, li għalkemm ma neskludux li huma tajbin, imma ma kienx hemm entità li tagħmel enfasi fuq ħidma kollaborattiva.” Din il-ħidma kollaborattiva bla dubju tkun aktar effettiva meta kulħadd jaħdem għal għan wieħed flimkien.
Hija kompliet tispjega li “affarijiet regolatorji kienu jsiru diġà, imma issa l-fatt li hemm il-Climate Action Authority, il-politika u l-istrateġiji ġew magħquda u qed jingħataw ħarsien minn din l-awtorità.”
Fil-fatt riċentament saret l-ewwel diskussjoni formali, u kien hemm “xi laqgħat bejn il-ministeri biex naraw kif qed jiġu addottati dawn it-transiżżjonijiet. Biex hekk mas-servizz pubbliku u l-Gvern nitkellmu u naraw kif se nikkonsolidaw l-isforsi kollha neċessarji.”
Matul din l-intervista tkellimna dwar kif f’dawn l-aħħar snin rajna tibdil sinifikanti fil-klima ta’ pajjiżna u ddiskutejna wkoll x’qed iwassal għal dan. Hija spjegat li dan it-tibdil “fil-fatt qed jintlaqtu minnu l-pajjiżi kollha, iżda gżira żgħira bħal tagħna qed tkun tintlaqat aktar minn oħrajn. L-Ewropa qed tintlaqat 20% aktar minn kontinenti oħrajn. Il-fatt li aħna żgħar u mdawrin bil-baħar, il-fattur tal-livell tal-baħar iktar se jaffettwa.” Magħhom żdiedet ukoll il-fatt li li aħna allokati hawn ikollna tempi estremi. Dan wassal biex is-sena 2024 kienet l-aktar sena li b’mod globali qbiżna t-temperatura aktar mis-soltu. Għalhekk, tkompli Abigail, “aħna b’mod partikoalri bħala gżira rridu nibdew naddattaw għall-klima għax il-mod kif ser niġu impattati ser ikun aktar devastanti minn pajjiżi oħra.”
Iżda aħna x’nistgħu nagħmlu minħabba din is-sitwazzjoni biex intejbuha? Skont Abigail, “il-fatt li aħna diġà qed nagħmlu inizjattivi biex nimxu f’din it-transiżżjoni, din hija xi ħaġa tajba, imma jeħtieġ li jkollna pjan strateġiku ta’ kif kull settur jista’ jaħdem, biex hekk ikollna viżjoni u jkollna kollox ikkonsolidat. Il-fatt li f’dawn l-aħħar snin it-trasport huwa l-aktar li kkontribwixxa, naraw li l-Gvern qed jaħdem aktar, eżempju beda s-servizz ta’ tal-linja b’xejn u inċentivi sostanzjali għall-vetturi elettriċi li huma soluzzjoni intermedjarji. Iżda, lil hinn minn dawn l-inizjattivi hemm bżonn aktar ħidma.”
Fost il-ħidmiet li nistgħu ninkludu huma l-użu ta’ fjuwils li huma aktar sostenibbli, u għalkemm nafu li aħna niddependu minnhom, iżda hemm bżonn inħarsu u naraw għal alternattivi ta’ fjuwils, u naraw x’hemm metodi oħra li nistgħu għal-viżjoni iktar fit-tul. Dawn huma diskussjoni li qed nagħmlu bħala awtorità.”
Fatturi oħrajn li jikkontribwixxu wkoll għal dan it-tibdil hu l-bini f’Malta. Illum f’kull dar mhux bilfors se ssib arja kkundizzjonata waħda, imma għandna numru ta’ arja kundizzjonata. Għalhekk fejn tidħol id-dar irridu naraw kif nistgħu nużaw id-dar b’mod aktar sostenibbli, u eżempju nużaw materjali li huma riċiklati. Insemmu wkoll il-ġenerazzjoni tal-enerġija, li l-fatti juru li ser jirriżulta nuqqas ta’ 77% ta’ emissjonijiet sal-2030 meta kkomparata mal-2005. Nifhmu li hemm domanda aktar għolja għalhekk irridu mmorru għal enerġija aktar rinnovabbli, bħal ‘offshore renewables’ li jeħtieġ li jiġu kkunsidrati.
Abigail spjegat li f’Malta “ħa niġu f’punt fejn niddependu ħafna iktar mir-rinnovabbli; din magħha ġġib il-vantaġġi u l-iżvantaġġi wkoll. Enerġija rinnovabbli tiddependi mill-intermittenza, għalhekk huwa fundamentali teknoloġiji bħal batteriji fuq skala ta’ utilità’. Xtaqna wkoll inkunu nafu dwar ir-Rapport Biennali ta’ Trasparenza, wara li Malta ssottomettiet l-ewwel Rapport Biennali ta’ Trasparenza (BTR) tagħha lis-Segretarjat tal-UNFCCC, billi ssodisfat ir-rekwiżiti tal-Qafas Msaħħaħ ta’ Trasparenza (ETF) stabbilit taħt il-Ftehim ta’ Pariġi. Pajjiżi oħra li ħadu sehem jinkludu New Zealand u l-Afrika ta’ Isfel fost oħrajn. Din kienet l-ewwel darba li ssottomejna dan ir-rapport bħala gżira.
Dan ir-Rapport Biennali ta’ Trasparenza huwa pass importanti li juri l-impenn tagħna bħala gżejjer Maltin lejn it-trasparenza u r-responsabbiltà fl-isfida tat-tibdil tal-klima. F’dan ir-rapport, b’mod trasparenti kull pajjiż jirrapporta l-emissjonijiet tiegħu.
Xi punti ewlenin fir-rapport ta’ Malta jinkludu: ir-rapport tal-Inventarju Nazzjonali: Data dwar emissjonijiet ta’ gassijiet serra u t-tneħħija tagħhom, rapport dwar il-Progress: dettalji dwar il-progress lejn il-miri tal-klima, Miżuri ta’ Adattament: u ħarsa lejn l-impatti tal-klima u l-istrateġiji ta’ rispons tagħna.
Dan ir-rapport ġie ppreparat mill-Awtorità għall-Azzjoni Klimatika f’isem il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika (MEEC). Permezz ta’ hekk flimkien nistgħu nibqgħu naħdmu għal aktar trasparenza u azzjoni klimatika.
Għalhekk, filwaqt li huwa essenzjali li nkunu konxji dwar l-impatt tagħna fuq l-ambjent, billi nieħdu passi għas-sostenibbiltà, bħal tnaqqis fl-użu ta’ enerġija fossili, it-titjib tal-metodi ta’ riċiklaġġ, u l-promozzjoni ta’ alternattivi ekoloġiċi, irridu kulħadd jagħmel il-parti tiegħu, biex hekk din il-kuxjenza ambjentali mhux biss tgħin biex tissalvagwardja l-pjaneta għalina u għal dawk li ġejjin, imma wkoll toffri opportunitajiet għalina ekonomiċi, soċjali u ambjentali sabiex ikollna kwalità ta’ ħajja aħjar.