Saturday, November 23, 2024

Estensjoni tal-park tal-familja f’Birżebbuġa: Project Green toħroġ sejħa għall-offerti

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir flimkien ma’ Project Green ħabbru l-estensjoni tal-Park tal-Familja ta’ Bengħajsa f’Birżebbuġa permezz ta’ sejħa għall-offerti għal xogħlijiet.

Is-sejħa għall-offerti, maħruġa minn Project Green, għandha l-għan li tirrestawra żona li ma tintużax maġenb il-park u tittrasformaha fi spazju isbaħ għall-komunità.

Il-Park tal-Familja, li oriġinarjament taħt amministrazzjonijiet preċedenti kien maħsub biex jinżammu fih containers, inbidel f’żona ħadra miftuħa minn Project Green fejn fetaħ il-bibien tiegħu għall-familji u t-turisti f’Marzu 2023. L-estensjoni se twassal għall-espansjoni tal-Park b’7,000 metru kwadru oħra, tħawwil ta’ ’l fuq minn 140 siġar bħal tal-balluta, tal-ħarrub u tar-rand, u pavimentar ta’ geogrid biex jistabbilizza l-ħamrija biex b’hekk jipprovdi passaġġ aċċessibbli filwaqt li jżomm l-elementi naturali tal-art. Se jiġu installati wkoll faċilitajiet ta’ rikreazzjoni bħal slides u faċilitajiet inklużivi. L-uċuħ kollha se jkunu 100% permeabbli, bl-użu ta’ materjali sostenibbli.

Il-proġett jagħmel parti mill-Park tal-Familja f’Bengħajsa li huwa maqsum f’diversi livelli biex jimmassimizza t-topografija naturali ta’ din iż-żona. L-iżvilupp se jinkludi fih toilets pubbliċi u kamra tas-sigurtà.

Waqt żjara fuq il-post flimkien maċ-Chief Operations Officer ta’ Project Green, il-Perit Beverly Costa u l-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa, il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli ddeskriviet il-proġett tal-Bengħajsa Family Park bħala xhieda tal-impenn tal-gvern biex iżid l-ispazji ħodor. “Dan il-Park iservi ta’ pulmun aħdar għal komunità li dejjem qed tikber u din l-estensjoni se sservi bħala spazju pubbliku ieħor miftuħ għall-adulti, it-tfal u l-adoloxxenti biex ikunu jistgħu jgawduh. Dawn huma l-proġetti li se jgħinu biex inkomplu nġibu lill-komunitajiet flimkien,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Il-Perit Beverly Costa qalet: “B’dan il-proġett qed nilħqu bilanċ bejn il-kunsiderazzjonijiet ekoloġiċi mal-bżonnijiet tal-komunità biex noħolqu spazju li jista’ jgawdi minnu kulħadd. Il-pubblikazzjoni tat-tender għax-xogħlijiet huwa pass sinifikanti fil-proġett tal-Park ta’ Bengħajsa. Ix-xogħol fuq l-estensjoni huwa mistenni li jitlesta lejn ir-raba’ kwart tas-sena d-dieħla.”

Permezz tal-entitajiet fi ħdanu, il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir irriġenera numru ta’ spazji miftuħa, fosthom Ġnien ta’ fuq il-Glażiż fil-Birgu, Ġnien Romeo Romano f’Santa Venera, Ġnien Victor Calvagna fil-Mosta, Ġnien ir-Rnella fil-Kalkara, Ġnien San Filippu fil-Floriana, l-estensjoni ta’ San Klement f’Ħaż-Żabbar, Ġnien id-Dakkara f’San Ġwann u numru ta’ dog parks fost xogħol ieħor. Dan filwaqt li għaddejjin il-preparamenti fuq proġetti ta’ tħaddir f’lokalitajiet bħal Santa Luċija, il-Mellieħa, Ħal Lija, Ħal Luqa u Ħal Kirkop, fost oħrajn.

Sport