Wednesday, October 2, 2024

Estensjoni tas-servizzi tat-Telecare: Iktar għajnuna u sigurtà għall-anzjani

Aqra wkoll

Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Jum Internazzjonali tal-Anzjani, ġiet imnedija l-ewwel parti tal-miżura elettorali mill-manifest elettorali tal-gvern biex is-servizzi tat-Telecare u tat-Telecare on the Move ikunu estiżi għal aktar anzjani. It-tnedija saret fiċ-Ċentru tal-Anzjanità Attiva tal-Ħamrun, li ġie rinovat riċentament, u li jikkonferma wkoll l-impenn tal-gvern biex l-anzjani jibqgħu jgħixu ħajjithom b’iktar serħan il-moħħ.

Mil-lum, dawk il-persuni li għandhom minn 80 sena ’l fuq u jagħmlu użu mis-servizz tat-Telecare se jkunu qed jibbenefikaw minn dan is-servizz b’xejn, b’riżultat ta’ sussidju sħiħ mill-gvern permezz tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità. Bl-istess mod, dawk ta’ 60 sena ’l fuq li jgħixu waħedhom u għandhom il-karta roża valida jew il-karta safra, li turi li huma dijabetiċi, se jibqgħu jibbenefikaw minn dan is-servizz b’xejn. Anzjani ta’ taħt it-80 sena li mhumiex eliġibbli għal servizz b’xejn se jibbenefikaw minn servizz parzjalment issussidjat.

Waqt l-indirizz tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea qal, “Qed inwettqu parti minn wegħda elettorali oħra li għamilna biex l-anzjani tagħna jkomplu jgħixu b’indipendenza u sigurtà. B’din il-miżura, aktar minn €250,000 se jibqgħu f’bwiet l-anzjani tagħna”, qal Agius Galea. Huwa fakkar ukoll kif is-servizz tat-Telecare joffri mhux biss serħan il-moħħ lill-anzjani iżda wkoll lill-qraba tagħhom, li jafu li f’każ ta’ emerġenza l-għajnuna tinsab dejjem qrib.

Min-naħa tiegħu, Renzo Degabriele, Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, saħaq fuq kif dan is-servizz se jkompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani u jkompli jassigura li jkunu jistgħu jibqgħu jgħixu ħajjithom fil-komunitajiet tagħna b’iktar serħan il-moħħ.

Stephanie Kent, Direttur tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, ippreżentat ukoll l-apparat differenti tat-Telecare, billi spjegat fid-dettall kif dan is-servizz jgħin lill-anzjani f’każ ta’ emerġenza u kif l-użu tiegħu jissimplifika l-għajnuna f’mumenti ta’ bżonn.

L-apparat eżistenti tat-Telecare mhux se jinbidel, u l-għoti tas-servizz se jibqa’ l-istess mingħajr il-ħtieġa ta’ installazzjoni ġdida. Barra minn hekk, sabiex ikun hemm aktar aċċessibilità għal aktar anzjani, is-servizz issa huwa disponibbli wkoll għall-klijenti kollha, irrispettivament ma’ liema kumpanija tat-telekomunikazzjoni huma abbonati.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport