Il-Gvern kompla jsaħħaħ il-kooperazzjoni illi għandu m’organizzazzjonijiet bil-għan li jtejjeb il-qagħda tas-soċjetà Maltija. Fil-fatt, ġie estiż ftehim soċjali mal-Fondazzjoni Caritas, sabiex tkompli tmexxi b’mod effettiv il-Komunità Terapewtika f’San Blas.
Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal alloka s-somma ta’ €6 miljun, żieda ta’ €1.75 miljun fuq il-ftehim preċedenti. Din l-għajnuna ser tkun qed tassigura li tingħata terapija lil diversi persuni waqt perjodu ta’ rijabilitazzjoni.
Il-Ministru Michael Falzon stqarr, ‘‘Din hija l-politika li verament tagħmel id-differenza u li tidħol fil-ħajja ta’ dawk li verament jeħtieġu bidla f’ħajjithom. Taqtgħux qalbkom, hemm min lest jgħinkom u jagħti dik id-direzzjoni li tliftu għal ċertu żmien.”
Min-naħa tiegħu, id-Direttur ta’ Caritas, Anthony Gatt stqarr li għal darba oħra l-Gvern sema’ t-talba li għamlu s-sena li għaddiet sabiex ikun hemm żieda fil-ftehim soċjali sabiex ikunu riflessi anke ż-żidiet li ngħataw lill-ħaddiema tas-servizz pubbliku.
Minn San Blas jiġi offrut servizz t’appoġġ ibbażat fil-komunità fejn persuni jingħataw pjan personali bil-għan li jegħlbu l-problema relatata mad-droga. Jingħata wkoll servizz t’appoġġ lill-membri tal-familja u persuni oħra importanti għal dawn il-klijenti.
Wara perjodu ta’ bejn 7 u 8 xhur ġewwa San Blas, ir-residenti ta’ San Blas jgħaddu għal fażi oħra f’Dar Charles Miceli fejn hemmhekk jiġu ppreparati għad-dinja tax-xogħol u flimkien mal-istaff jinbena profil tal-persuna u jiġi mgħejun isib xogħol. F’din il-fażi ta’ Dar Charles Miceli jagħmel madwar 3 xhur oħra fejn jibda jmur għax-xogħol u jirritorna lura fil-komunità. Fl-aħħar meta tispiċċa din il-fażi, jgħaddi għall-fażi ta’ recovery fejn jirritorna lura fis-soċjetà, imma xorta jibqa’ bil-kuntatt u jattendi sessjonijiet relatati mal-ħajja f’Dar Charles Miceli.