Ftehim mifrux fuq 3 snin, b’finanzjament li jlaħħaq iż-€2 miljun mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal, ser jagħti serħan il-moħħ lill-Fondazzjoni Richmond sabiex ikomplu joffru l-programm KIDS għal tfal li juru diffikultà fl-emozzjonijiet u l-imġiba tagħhom.
Ġie estiż il-ftehim li diġà hemm bejn iż-żewġ partijiet, b’dan il-ftehim ġdid għandu finanzjament li huwa 20% aktar minn dak preċedenti. Sapport finanzjarju li ser ikompli itejjeb is-servizz offrut mill-Fondazzjoni Richmond permezz tal-programm KIDS.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon stqarr li l-Gvern qed ikompli jibni r-relazzjoni b’saħħitha li għandu ma’ dawn l-entitajiet, bil-għan li jsaħħaħ is-sapport fil-komunità. “Nieħu l-opportunità sabiex infaħħar is-sehem tal-‘frontliners’ kollha li jqisu dawn it-tfal daqs uliedhom, u jagħtu l-massimu tagħhom sabiex jaraw lil dawn it-tfal jirnexxu skont l-abbiltajiet tagħhom filwaqt li jingħataw kull opportunità,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.
Min-naħa tagħhom, is-Segretarju Permanenti Mark Musù u l-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti sostnew li l-Gvern kompla jsaħħaħ l-assistenza finanzjarja minn sena għall-oħra tant li għal din is-sena hemm allokati mat-€13-il miljun għall-ftehimiet soċjali.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Richmond, Daniela Calleja Bitar, tkellmet dwar kif dan il-programm KIDS jingħata minn residenza li fiha 9 sodod, servizz 24 siegħa kuljum għal tfal li juru diffikultà fl-emozzjonijiet u l-imġiba tagħhom. Richmond joffru dan il-programm ta’ tliet snin, li huwa adattat għal tfal li għandhom bejn 7 u 10 snin meta jiġu riferuti minn skejjel jew minn familji. Enfasi kbira ssir dwar il-pjan ta’ kura individwali, li jiġi rivedut regolarment, u mħejji biex jiżgura approċċ olistiku u servizz effettiv.