Mija u ħamsin persuna użaw is-servizzi mogħtija mill-ewwel hub għall-vittmi vulnerabbli u vittmi tal-vjolenza domestika f’Għawdex. Minn dawn il-mija u ħamsin każ, mija u tlettax, kważi 75% tal-każijiet kollha, ittellgħu l-Qorti u ffaċċjaw diversi akkużi differenti relatati mal-vjolenza domestika.
Iċ-ċentru, li jinsab fir-Rabat Għawdex, ilu jopera minn Settembru 2024. Iċ-ċentru qed joffri diversi servizzi ta’ appoġġ u assistenza professjonali minn professjonisti, membri tal-korp tal-pulizija u ħaddiema mħarrġa f’dan il-qasam. Infatti, imsieħba prinċipali f’din il-ħidma ħolisitika hemm ukoll professjonisti mill-FSWS permezz tad-Domestic Violence Risk Assessment Service.
It-twaqqif ta’ dan l-ewwel hub sar wara li l-Korp tal-Pulizija waqqaf l-ewwel skwadra speċjalizzata bl-isem ta’ Gender Based and Domestic Violence Unit fl-2020 u l-ewwel hub għal vittmi tal-vjolenza domestika u vjolenza abbażi tal-ġeneru li jinsab f’Santa Luċija fl-2024. Dan il-unit huwa wkoll magħmul minn uffiċjali mħarrġa, flimkien ma’ professjonisti oħra li jagħtu servizz lill-vittmi ta’ vjolenza domestika u vjolenza abbażi tal-ġeneru.
Dan il-hub joffri ambjent aħjar u huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu fil-gżira Għawdxija. Il-hub jopera kuljum bil-preżenza kontinwa tal-Korp tal-Pulizija u professjonisti oħra.
Waqt żjara fiċ-ċentru tar-Rabat Għawdex, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri ingħata tagħrif dwar il-proċeduri mħaddma f’każ ta’ rapport ta’ vjolenza domestika u rapport oħra minn vittmi vulnerabbli.
Il-Ministru Camilleri qal li fl-aħħar snin saret ħidma ffukata sabiex il-Korp tal-Pulizija ikun aktar preparat biex jassisti vittmi ta’ vjolenza domestika. Sew jekk hux permezz tat-twaqqif ta’ skwadra speċjalizzata flimkien ma’ stakeholders prinċipali permezz tal-ħidma ta’ diversi professjonisti għall-ewwel darba, u anke ġew triplati r-riżorsi umani. Bħalissa għaddejjin il-preparamenti għal hub ieħor fit-Tramuntana tal-pajjiż, fl-Imtarfa. Huwa fakkar kif fl-aħħar ġimgħat ġie introdott ukoll is-servizz tal-panic alarm buttons permezz tal-Aġenzija għas-Servizz tal-Vittmi li tħaddem dan is-servizz flimkien mal-Victim Support Unit tal-Korp tal-Pulizija.
Huwa temm jgħid li l-estensjoni ta’ dan is-servizz ġewwa il-gżira Għawdxija huwa turija tal-impenn favur vittmi madwar il-pajjiż kollu.