Tuesday, November 11, 2025

Estiża l-iskema Business Enhance biex aktar negozji Maltin ikomplu jsaħħu l-kompetittività tagħhom

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi ħabbar l-estensjoni tal-iskema Business Enhance, b’€10 miljun ta’ fondi Ewropej disponibbli għal proġetti li jtejbu l-kompetittività tan-negozji żgħar u medji, b’investimenti fit-teknoloġija, l-innovazzjoni u produttività sostenibbli.

Din l-aħbar tħabbret waqt żjara li saret fil-fabbrika Kingstone Ltd, intrapriża li bbenefikat minn din l-iskema biex tinvesti f’tagħmir teknoloġiku avvanzat fil-qasam tal-ipproċessar tal-ġebel u ċ-ċeramika.

Il-Ministru faħħar il-kontribut tal-fondi Ewropej fil-bini ta’ ekonomija moderna u kompetittiva, u qal li l-Gvern se jkompli jappoġġja lin-negozji żgħar u medji biex ikunu aktar reżiljenti u diġitali.

“Il-fondi Ewropej qed jagħtu spinta diretta lin-negozji żgħar biex jinnovaw u jikbru. Permezz tal-iskema Business Enhance u l-programmi l-oħra taħt l-ERDF, diġà impenjajna aktar minn €28 miljun f’aktar minn 440 ftehim ta’ għotja, u preżentament hemm seba’ skemi miftuħa, b’€10 miljun speċifikament dedikati għall-proġetti li jżidu l-kompetittività tan-negozji. Dawn huma fondi li qed jittraduċu ruħhom f’aktar xogħol, aktar produttività u aktar kompetittività għall-ekonomija Maltija,” qal il-Ministru Zrinzo Azzopardi.

Il-ministru żied jgħid li din l-inizjattiva tmur id f’id mal-miżuri tal-Budget 2026, li jinkludu investiment bla preċedent ta’ €100 miljun fid-diġitalizzazzjoni u t-teknoloġiji ġodda bħal Intelliġenza Artifiċjali (AI), Internet of Things (IoT) u cybersecurity, appoġġjati wkoll minn fondi Ewropej u skemi oħra taħt aġenziji tal-Gvern.

“Il-Budget 2026 juri viżjoni ċara – ekonomija li tħares lejn il-futur, ibbażata fuq l-innovazzjoni u l-ħiliet diġitali. Il-fondi Ewropej se jkunu strumentali biex din il-viżjoni ssir realtà,” tenna l-Ministru. 

Permezz tal-fondi Ewropej, Kingstone Ltd irċeviet €56,175 f’għajnuna taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF), b’rata ta’ kofinanzjament ta’ 60% mill-Unjoni Ewropea u 40% f’fondi nazzjonali.

L-iskema Business Enhance ġiet estiża sa Ġunju 2026 u hija kofinanzjata mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, mill-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta 2021–2027, taħt il-prijorità “Ewropa aktar kompetittiva u intelliġenti”.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport