Tuesday, December 24, 2024

Euro 2022 tan-Nisa: L-Ingilterra fil-finali

Aqra wkoll

It-team Ingliż tan-Nisa kkwalifika għall-finali tal-Euro 2022 meta fis-semi-finali huma għelbu lill-Isvezja bl-iskor kbir ta’ 4-0.

Iżda kienu dawn tal-aħħar li proprju fid-disa’ minuta kienu sfortunati li laqtu l-mimduda minn daqqa ta’ ras ta’ Stina Blackstenius.

Peró kienet Beth Mead (34) li fetħet l-iskor għall-Ingliżi biex minn dak il-mument huma ddominaw għal kollox dan il-konfront.

Tliet minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, Lucy Bronze rduppjat b’daqqa ta’ ras minn azzjoni ta’ corner. Fis-57 minuta Lauren Hemp għamlet l-impossibbli meta minn taħt il-lasti għolliet il-ballun … ħabat mal-mimduda u spiċċa barra.

Iżda fit-68 minuta assistejna għall-isbaħ goal tat-tournament meta Alessia Russo rat lill-goalkeeper Hedvig Lindahl tilqa’ parzjalment it-tenattiv tagħha … ġriet għall-ballun u minn pożizzjoni angolata b’daqqa ta’ takkuna għaddiet il-ballun minn bejn saqajn il-goalkeeper Svediża.

L-aħħar goal wasal fis-76 minuta meta Fran Kirby illobjat il-ballun minn fuq Lindahl minkejja li l-goalkeeper Svediża messet il-ballun.

Għaldaqstant din se tkun it-tielet darba li l-Ingilterra waslu sal-finali fejn fiż-żewġ okkażjonijiet l-oħra sfaw megħluba fl-1984 u fl-2009.

Ekonomija

Sport