Franza bdew l-impenji tagħhom tal-Euro 2024 fuq nota mill-aktar pożittiva meta fit-tieni programm tal-ewwel ġurnata tar-round ta’ kwalifikazzjoni, huma umiljaw lill-Olanda bl-iskor ta’ 4-0 liema rebħa kienet aċċertata fl-ewwel taqsima meta daħlu jistrieħu fil-vantaġġ ta’ tliet goals.
Huma ma setgħux kellhom bidu aħjar hekk kif wara biss żewġ minuti huma fetħu l-iskor minn Antoine Griezmann li kkonkluda mill-assist ta’ Kylian Mbappe li kien qed imexxi lil Les Bleus bħala captain għall-ewwel darba wara li Hugo Lloris ħabbar li rtira mit-team nazzjonali.
Sitt minuti wara, il-Franċiżi rduppjaw meta Dayot Upamecano skorja mir-rebound wara li l-goalkeeper, Jasper Cillessen, laqa’ parzjalment il-free-kick ta’ Griezmann.
Dan il-goal kien ifisser li l-Olanda kienu ilhom ma jkunu fi żvantaġġ wara biss tmien minuti mill-1951 … fit-telfa ta’ 7-6 kontra l-Belġju.
Intant, l-Olandiżi bdew jippressaw biex jidħlu fil- logħba iżda fil-21 minuta kienu l-Franċiżi li skorjaw it-tielet goal meta mill-pass fit-tul ta’ Aurelien Tchouameni, Kylian Mbappe għeleb in-nasba tal-offside u xeħet il-ballun fir-rokna tax- xibka.
Fit-tieni taqsima, l-Olandiżi ppruvaw joħolqu xi forma ta’ pressjoni biex iżda l-goalkeeper, Mike Maignan, ftit li xejn kien impenjat minħabba li kien protett tant tajjeb.
U fit-88 minuta, Mbappe nkuruna l-wirja tiegħu billi ssiġilla r-rebħa.
Minn Grupp B, barra minn darhom il-Greċja għelbu lill-Ġibiltá bl-iskor ta’ 3-0, bl-iskorers ikunu Giorgos Masouras (12), Manolis Siopis (45) u Anastasios Bakasetas (58).
Minn Grupp C, ir-Repubblika Ċeka ospitaw lill-Polonja u għelbuhom bl-iskor ta’ 3-1, bil-goals jaslu minn Ladislav Krejci (1) u Tomas Cvancara (3) u Jan Kuchta (64) filwaqt li Damian Szymanski (87) skorja għall-Pollakki.
Fil-partita l-oħra, il-Moldova laqgħu lil Faroe Islands u setgħu biss jispiċċaw fi draw ta’ 1-1.
Kien Heri Hjalt Mohr (28) li fetaħ l-iskor għall-viżitaturi iżda Ion Nicolaescu (87 pen) wieġeb għal Moldova.
Minn Grupp F, l-Awstrija għelbu lil Azerbaijan bl-iskor ta’ 4-1, bil-goals jiġu skorjati minn doppjetta ta’ Marcel Sabitzer (28, 50), Michael Gregoritsch (30) u Christoph Baumgartner (69) filwaqt li Emin Mahmudov (64) wieġeb għall-Azeri.
F’partita mill-aktar mistennija, il-Belġju marru l-Isvezja u ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-0, bit-tliet goals jaslu minn Romelu Lukaku (35, 49, 83).
Minn Grupp G, il-Bulgarija f’darhom sfaw megħluba bl-iskor ta’ 1-0 mill-Montenegro permezz ta’ goal minn Nikola Krstovic (70).
Is-Serbja għelbu lil-Litwanja bl-iskor ta’ 2-0, grazzi għal goals minn Dusan Tadic (16) u Dusan Vlahovic (53).