Sunday, December 22, 2024

Euro 2024: Franza v Belġju l-aktar attraenti

Aqra wkoll

Illum tintlagħab it-tielet ġurnata tal-Aħħar 16 tal-Euro 2024 li se tippreżentalna żewġ partiti mill-aktar interessanti fejn Franza jaffrontaw lill-Belġju filwaqt l-Portugall jiffaċċjaw lis-Slovenja.

FRANZA v BELĠJU – 6.00 pm

Dan hu konfront klassiku bejn timijiet ġeografikament viċin xulxin u li lingwistikament jitkellmu l-istess ilsien.

Din il-partita se tlaqqa’ wkoll liż-żewġ semi-finalisi tat-Tazza tad-Dinja 2018 (bil-Franċiżi joħorġu rebbieħa 1-0) … hekk kif tisraq l-attenzjoni tal-lum.

Fil-Fażi tal-Gruppi l-ebda team ma wera verament il-potenzjali tiegħu bil-konsegwenza li kellhom jikkuntentaw bit-tieni post.

Franza kien mistenni ferm aktar minn­hom liema grupp kien jinkludi lill-Awstrija, l-Olanda u l-Polonja.

Minkejja li ma tilfu l-ebda logħba, xorta waħda ddiżappuntaw … u minkejja li għelbu lill-Awstrija bl-iskor ta’ 1-0, kienu dawn tal-aħħar li rebħu Grupp D.

Dan minħabba li l-Franċiżi ġew miżmuma fi draw ta’ mingħajr gowls kontra l-Olanda u 1-1 kontra l-Polonja.

Players li ddiżappuntaw fl-attakk kienu Kylian Mbappe, Antoine Griezmann, Oli­vier Giroud u Ousmane Dembele.

Peró wieħed irid jgħid ukoll li Mbappe kiser imnieħru fl-ewwel partita, kontra l-Awstrija, biex ma lagħabx fit-tieni partita kontra l-Olanda u fit-tielet logħba ma kienx f’siktu fil-massimu tiegħu għalkemm lagħab b’maskra protettiva.

Min-naħa tagħhom, il-Belġju lanqas ma ħallew impressjoni tajba fi Grupp E, li kien kompost ukoll mir-Rumanija, is-Slovakkja u l-Ukrajna.

Ir-Red Devils bdew b’telfa ta’ 1-0 kontra s-Slovakkja biex imbagħad waslet rebħa ta’ 2-0 kontra r-Rumanija u draw ta’ mingħajr goals kontra l-Ukrajna. Fi grupp bilanċjat bħal dan, il-Belġjani għaddew bħala t-team fit-tieni post minħabba differenza ta’ goals aħjar, wara r-rebbieħa tal-grupp, ir-Rumanija.

Min-naħa l-oħra l-attakkant tal-Belġju, Romelu Lukaku, jittama li tidħaklu l-fortuna meta għadu qed ifittex l-ewwel goal tiegħu … wara li skorja fi tliet okkażjonijiet iżda ġew annullati minħabba rregolarita­jiet pożizzjonali.

Filwaqt li Franza mistennija jinżlu bl-aqwa formazzjoni possibbli, il-Belġjani ma jistgħu jagħmlu użu miż-żewġ players Axel Witsel u Thomas Meu­nier minħabba li qed jirkupraw minn injury muskolari.

Il-logħba se tintlagħab fil-Merkur Spiel Arena ta’ Dusseldorf.

PORTUGALL v SLOVENJA – 9.00 pm

Wara sensiela twila ta’ rebħet li ntemmet fil-fażi tal-gruppi, il-Portugall jimmiraw li jissiġillaw l-kredenzjali tagħhom bħala champions tal-Euro 2024 meta jiltaqgħu kontra s-Slovenja.

Min-naħa tagħhom, għas-Sloveni din se tkun l-ewwel fażi eliminatorja f’tournament maġġuri u għaldaqstant lesti li jqumu għall-okkażjoni.

Minkejja li aċċertaw mir-rebħ ta’ Grupp F meta kien fadlilhom partita x’jilagħbu, huma ġew umiljati minn Georgia bl-iskor ta’ 2-0 li kitbu l-istorja fil-Kampjonat Ewropew hekk kif din ir-rebħa se tibqa’ titniżżel bħala giant-killer.

B’żewġ rebħiet fuq ir-Repubblika Ċeka (2-1) u fuq it-Turkija (3-0), il-coach Robert Martinez, serraħ bosta players għal-logħba kontra Georgia, fosthom,  Bruno Fernandes, Ruben Dias, Bernardo Silva u id-difensur ċentrali vete­ran Pepe.

Peró, minkejja li ġejjin minn telfa mhux mistennija, il-Portugiżi xorta waħda jibdew bħala favoriti li javvanzaw għall-kwarti-finali.

Fatt interessanti huwa li f’tournament maġġuri, il-Portugall qatt ma sofrew żewġ telfiet konsekuttiv mill-Euro 2008 – kontra l-Isvizzera (2-0) fil-Fażi tal-Gruppi u kontra l-Ġermanja (3-2) fl-Aħħar 16.

Min-naħa ta’ Cristiano Ronaldo li qed jilgħab is-sitt edizzjoni personali fil-Euros, għad irid iniżżel ismu fost l-iskorers minħabba li tkun l-unika darba li ma jirnexxielux jagħmel dan.

Is-Slovenja għaddew għal din il-fażi wara li temmew fit-tielet pożizzjoni ta’ Grupp C,  li kien jinkludi lill-Ingilterra, lid- Danimarka u lis-Serbja.

Huma rreġistraw tliet draws – 1-1 kontra d-Danimarka u s-Serbja u dak ta’ 0-0 l-Ingilterra.

Player bħal Benjamin Sesko ta’ RB Leipzig u l-goalkeeper, Jan Oblak, ta’ Atletico Madrid, kapaċi jagħmlu d-differenza għas-Sloveni li qed joħolmu li jikkwalifikaw mal-aħħar tmienja.

Mill-aħħar 14-il partita, is-Sloveni naqsu li jiskorjaw biss kontra l-Ingilterra u dan ifisser li għandhom attakk qawwi.

Iż-żewġ naħat mistennija jinżlu bl-aqwa formazzjoni possibbli.

Il-logħba se tintlagħab fid-Deutsche Bank Park, fil-belt ta’ Frankfurt.

Ekonomija

Sport