Belġju ……,…..2
Rumanija ……0
Il-Belġju fetħu beraħ Grupp E bir-rebħa ta’ 2-0 fuq ir-Rumanija meta l-erba’ timijiet, inklużi s-Slovakkja u l-Ukrajna għandhom tliet punti kull wieħed biex l-aħħar ġurnata se tkun kruċjali.
Huma ma setgħux kellhom bidu aħjar meta wara biss 73 sekondi fetħu l-iskor meta Kevin De Bryne xeħet fil-kaxxa lejn Romelu Lukaku li ma setax idur bil-ballun minħabba li kien issikkat iżda b’mod mill-aktar għaqli ta lura lejn YOURI TIELEMANS li kien ġej bil-ġirja u minn tarf il-kaxxa fajjar xutt qawwi biex għeleb lill-goalkeeper, Florin Nita.
Ir-Rumeni għamlu reazzjoni u fil-ħames minuta kienu għoddhom kisbu d-draw meta d-daqqa ta’ ras ta’ Radu Dragusin, li dehret dieħla fix-xibka, ġiet salvata mill-goalkeeper Koen Casteels li dawwar f’corner.
Fit-13-il minuta, Lukaku ġie mblukkat fil-ħin biex seta’ għamel xi forma ta’ ħsara u ħames minuti wara, Nita wettaq save spettakolari biex ċaħħad lil De Bruyne.
Fit-tieni taqsima, il-Belġjani komplew jippressaw u fil-51 minuta reġgħu resqu viċin meta minn tarf il-kaxxa, De Bruyne dawwar il-ballun, u bil-goalkeeper Nita megħlub, għadda jħakkek mal-wieqfa.
Fl-64 minuta, il-Belġjani skorjaw meta Lukaku ħareġ għal pass ta’ De Bruyne u xeħet fix-xiba b’xutt fil-baxx iżda l-goal ġie annullat għal pożizzjoni ta’ offside … biex dan kien it-tielet goal imħassar ta’ Lukaku f’dan it-tournament. Hija verament ħasra!
Madankollu, fid-79 minuta Belġju rduppjaw meta KEVIN DE BRUYNE daħal għal ballun fit-tul mill-goalkeeper Casteels u b’xutt fil-baxx għalaq il-partita.