It-Tlieta intlagħab it-tieni programm tar-raba’ ġurnata tar-round ta’ kwalifikazzjoni tal-Euro 2024, bis-sorpriża tal-ġurnata tasal minn Grupp E hekk kif il-Moldova dawru telfa f’rebħa biex għelbu lill-Polonja bl-iskor ta’ 3-2.
Il-protagonisti kienu Ion Nicolaescu (48, 80) u Vladyslav Babohio (85) wara liArkadiusz Milik (12) u Robert Lewandowski (34) taw vantaġġ doppju lill-Pollakki.
Fil-partita mill-istess grupp, l-Awstrija laqgħu lill-Isvezja u rebħulhom bl-iskor ta’ 2-0 permezz ta’ doppjetta minn Christoph Baumgartner (81, 89).
Minn Grupp A, in-Norveġja għelbu lil Ċipru bl-iskor ta’ 3-1 b’goals minn Ola Solbakken (12) u Erling Haaland (56 pen, 60) filwaqt li Grigoris Kastanos (92) naqqas il-marġni għall-viżitaturi.
Il-partita l-oħra bejn l-Iskozja u Georgia ġiet sospiża minħabba xita kontinwa. Huma kienu qed jirbħu 1-0 permezz ta’ Callum McGregor (6).
Minn Grupp F, il-Belġju marru l-Estonja u ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-0 permezz ta’ doppjetta ta’ Romelu Lukaku (37, 40) u Johan Bakayoko (92).
Minn Grupp G, Darko Lazovic (93) salva r-riżultat għas-Serbja bl-iskor ta’ 1-1 wara li Kiril Despodov (47) fetaħ l-iskor għall-Bulgarija.
F’darhom l-Ungerija għelbu lil-Litwanja bl-iskor ta’ 2-0 bl-iskorer ikunu Barnabas Varga (32) u Roland Sallai (83).
Il-Portugall marru l-Islanda u kellhom jitħabtu biex ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 1-0, bil-goal importanti jasal minn Cristiano Ronaldo (91) li kien qed jilgħab il-200 partita internazzjonali tiegħu.