Friday, December 27, 2024

Euro 2024: Il-wirja tal-Maltin titjieb minn logħba għal oħra

Aqra wkoll

Fi spazju ta’ ftit inqas minn tlett tjiem, it-team nazzjonali Malti lagħab żewġ logħbiet minn Grupp C tal-preliminari tal-Euro 2024 kontra l-Ingilterra f’Ta’Qali u kontra l-Ukrajna f’Trnava, is-Slovakkja.

It-team Malti offra żewġ wirjiet kuntrastużi, waħda fjakka għal kollox kontra l-Ingilterra, waqt li f’dik kontra l-Ukrajna t-team qam għall-okkażjoni u kien sfortunat li ma ġiex lura lejn d-dar b’xi punt fil-but.

Iżda kollox ma’ kollox il-coach Michele Marcolini għandu jkun sodisfatt b’dak li offrew il-players tiegħu f’Trnava bir-riżultat ifisser li issa hemm bilanċ assolut fil-konfronti bejn iż-żewġ timijiet.

Dan għall-fatt li kull team rebaħ logħba mit-tnejn li  ntlagħbu bl-istess riżultat ta’ 1-0.

Dawn il-goals ġew wie­ħed kmieni u wieħed tard … fejn fis-6 ta’ Ġunju 2017 kien goal ta’ Zak Muscat fl-14-il minuta li rebbaħ lit-team taħt il-gwida ta’ Pietro Ghe­din u, nhar it-Tnejn, l-Ukreni skorjaw il-goal li tahom it-tliet punti fit-72 minuta meta Viktor Tsygankov sab ix-xibka minn penalty meta tefa’ lill-goalkeeper debuttant, Matthew Grech, in-naħa l-oħra, meta sar it-tieni player ta’ Sirens li lagħab għal Malta … wara Michael Mifsud. 

Inċidentalment, fl-unika partita għal pajjiżna “bil-flokk ta’ Sirens”, Mifsud sellem lit-team nazzjonali għall-aħħar darba (143 partita) liema logħba kienet waħda ta’ ħbiberija fir-reb­ħa ta’ 3-0 fuq Liechtenstein fejn irnexxielu wkoll isib ix-xibka avversarja biex tella’ t-total tiegħu personali għal 42 goal … nhar il-11 ta’ Novembru, 2020.  

Intant, dan il-penalty wasal 20 minuta wara li l-Ukreni kienu ngħataw l-ewwel penalty meta l-ballun ħabat ma’ id Jean Borg iżda l-veteran ta’ 33 sena, Andriy Yarmolenko, stampa l-ballun mal-mimduda bi Grech megħlub għal kollox.

Dawn iż-żewġ inċidenti seħħew fl-ewwel logħba ta’ Grech bejn il-lasti fejn nistgħu ngħidu li kienet magħmudija tan-nar minn meta daħal jilgħab ftit qabel il-mistrieħ minflok dak regolari, Henry Bonello, li kiser wieħed mis-swaba konsegwenza tad-daħla goffa tal-attakkant avversarju, Vladyslav Vanat. 

Issa wieħed irid jara jekk huwiex se jkun nieqes mit-team ta’ Hamrun Spartans meta dawn jiftħu l-impenji tagħhom fil-preliminari taċ-Champions League.

Aċċenn rigward iż-żewġ penalties, il-media Ingliża kkritikat bl-aħrax iż-żewġ deċiżjonijiet tar-referee fejn intqal li l-ebda penalty ma kien messu ngħata. 

Inċidentalment Jean Borg kien involuti fiż-żewġ “irregolaritajiet”. 

L-ewwel wieħed kien wisq viċin biex il-penalty seta’ jiġi ġġudikat. 

It-tieni wieħed kien aktar diskutibbli minħabba li ma kien hemm l-ebda kuntatt fejn il-player Ukren aċċentwa l-waqgħa. 

Il-konfronti kontra l-Ingilterra issa telgħu għal sitta li kollha rebħuhom huma b’dik li tibqa’ l-aktar waħda memorabbli tkun l-ewwel waħda tat-3 ta’ Frar, 1971, li kienu rebħu 1-0 fil-Gzira Stadium.

Imbagħad tlifna 5-0 tliet xhur wara f’Wembley Stadium u fl-unika partita ta’ ħbiberija fis-sena 2000 f’Ta’ Qali tlifna 2-1.

Fl-2016 erġajna morna Wembley u tlifna 2-0 qud­diem attendenza massiva ta’ kważi 82,000 spettatur u s-sena ta’ wara waslet il-ħames telfa bl-iskor ta’ 4-0 b’dan ir-riżultat jiġi ripetut nhar il-Ġimgħa li għadda f’Ta’ Qali.  

STATISTIKA

Meta nagħmlu ftit tal-pa­ragun bejn l-istatistika taż-żewġ logħbiet naraw li kontra l-Ingilterra l-pussess tal-ballun kien 61%-39% waqt li kontra l-Ukrajna kien ta’ 63%-37%, dejjem favur l-avversarji tagħna.

F’dawk li huma attakki, kontra l-Ingilterra kienu 16-0 favur dawn u kontra l-Ukrajna 53-28.

Il-corners tjiebu minn logħba għall-oħra fejn kontra l-Ingliżi dawn kellhom tlieta kontra xejn u l-Ukraj­na kellhom ħamsa kontra erbgħa.

Fil-passaġġi kompluti l-Ingliżi kellhom 606 kontra 299 u l-Ukreni 461 kontra 226.

Fiż-żewġ logħbiet kien hemm offside wieħed li ġie kontra l-Ukrajna waqt li saves mill-goalkeepers, Bonello għamel ħamsa kontra l-Ingilterra u Jordan Pickford ma wettaq l-ebda wieħed.

Fil-logħba mal-Ukrajna, Bonello u Grech wettqu sebgħa bejniethom u dak Ukren, Anatolii Trubin, għamel żewġ saves.

F’dawk li huma karti sofor kontra l-Ingilterra kellna waħda biss u kontra l-Uk­rajna kull team intwera   tnejn kull wieħed.

Għat-tmiem, Malta jonqosha erba’ logħbiet oħra hekk kif se jintlagħbu kif ġej:

It-Tlieta 12 ta’ Settembru: Malta v Maċedonja ta’ Fuq (8.45 pm).

Is-Sibt, 14 ta’ Ottubru: Italja v Malta (8.45 pm).

It-Tlieta, 17 ta’ Ottubru: Malta v Ukrajna (8.45 pm).

Il-Ġimgħa, 17 ta’ Novem­bru: Ingilterra v Malta f’Wembley (8.45 pm).

Ekonomija

Sport