Monday, December 23, 2024

Euro 2024: Illum jingħata bidu għall-Aħħar 16

Aqra wkoll

Illum tibda t-tieni fażi tal-Euro 2024 hekk kif jintlagħab ir-round tal-Aħħar 16 … b’żewġ partiti mill-aktar interessanti hekk kif fis-6.00 pm jilagħbu l-Isvizzera kontra l-Italja filwaqt li fid-9.00 pm, it-team ospitu l-Ġermanja jaffronta lill-Isvizzera.

Din hija fażi eliminatorja u min jirbaħ jibqa’ javvanza filwaqt li t-tellief jisfa elimi­nat. 

F’każ li l-partiti jitemmu fi draw, jingħata l-ħin barrani u jekk ir-riżultat jibqa’ dak ta’ paritá, jingħataw il-penalties. 

SVIZZERA v ITALJA – 6.00 pm

It-team nazzjonali Taljan, immexxi minn Luciano Spalletti, jipprova jikseb post fil-kwarti-finali ta’ din il-kompetizzjoni meta jilgħab kontra l-ġirien l-Isvizzera. 

L-Azzurri kkwalifikaw għal dan ir-round wara li skorjaw il-goal tad-draw ta’ 1-1 kontra l-Kroazja, fit-tmien minuta tal-ħin miżjud li sa dak il-mument kienu l-Kroati li kienu se jikkwalifikaw. 

Il-mixja tagħhom fil-grupp imsejjaħ tal-’mewt’ kien wieħed li kien fih minn kollox, rebħa kontra l-Albanija (2-1), draw kontra l-Kroazja (1-1) u telfa kontra Spanja (1-0). 

Huma spiċċaw fit-tieni post ta’ Grupp B.

Żgur li l-wirja tat-Taljani f’dan il-grupp ma tantx jistgħu jisseħju denji ta’ cham­pions renjanti għalkemm issa li bdiet il-fażi eliminatorja, kollox huwa possibbli u kollox jista’ jseħħ.

Peró kulħadd jaf li t-Taljani jimmaturaw mal-kors tat-tournament. 

Min-naħa tal-Isvizzeri, huma spiċċaw fit-tieni post ta’ Grupp A wara t-team ospitu, il-Ġermanja  … u  qabel l-Ungerija u l-Iskozja li t-tnejn ġew eliminati. 

Huma rreġistraw ħames punti wara rebħa ta’ 3-1 kontra l-Ungerija u draws identiċi ta’ 1-1 kontra l-Iskozja u l-Ġermanja. 

Kontra dawn tal-aħħar, l-Isvizzeri kienu resqin lejn sorpriża kbira iżda l-Ġermaniżi kisbu d-draw fit-tieni minuta tal-ħin miżjud. 

Bħas-soltu l-player veteran, Xherdan Sha­qiri, spikka f’dan it-tournament filwaqt li kien ukoll protagonista meta skor­ja ġmiel ta’ goal kontra l-Iskozja.

Iż-żewġ naħat iltaqgħu 60 darba kontra xulxin, bit-Taljani jirreġistraw 29 rebħa, l- Is­viz­zeri sebgħa filwaqt li l-24 partiti l-oħra ntemmu fi draw. 

L-Isvizzeri għandhom lil Silvan Widmer sospiż u għaldaqstant Leonidas Stergiou mistenni jilgħab fil-post tiegħu. 

It-Taljani ma jistgħux jagħmlu użu minn Riccardo Calafiori minħabba li jinsab sospiż. Teżisti wkoll possibbiltá li Gianluca Scamacca jerġa’ jiġi utilizzat fil-formazzjoni inizjali wara li Mateo Retegui naqas li jimpressjona. 

Il-partita se tintlagħab fl-Olympiasta­dion ta’ Berlin. 

ĠERMANJA v DANIMARKA – 9.00 pm

It-team ospitu l-Ġermanja jiffaċċja lid- Danimarka fit-tieni logħba tal-lum.

It-team immexxi mill-coach, Julian Nagels­mann, kiseb żewġ rebħiet u draw fi Grupp A u għaldaqstant rebaħ il-grupp. 

Fil-fatt wara rebħa ta’ 5-1 kontra l-Iskozja, waslet rebħa oħra ta’ 2-0 kontra l-Ungerija iżda mbagħad ġew miżmuma fi draw ta’ 1-1 mill-Isvizzera … b’dawn tal-aħħar kienu sekondi ‘l bogħod mir-rebħa. 

Għall-Ġermaniżi spikkaw bosta players iżda Florian Wirtz, Jamal Musiala u Niklas Fullkrug, kienu eċċezzjonali. Huma għandhom talent straordinarju li jawgura tajjeb għat-team nazzjonali tal-futur. 

Filwaqt li għamel xejn inqas minn disa’ bidliet kontra l-Isvizzeri, Nagelsmann xejn ma kien kuntent bil-wirja tal-players. 

Id-Daniżi temmew fit-tieni post ta’ Grupp C, fejn kisbu tliet punti minn tliet partiti – 1-1 kontra s-Slovenja u l-Ingilterra u 0-0 kontra s-Serbja. 

Il-coach, Kasper Hjulmand, huwa diżappuntat li spiċċaw fit-tieni post bi tliet punti biss minħabba li huwa koxju tal-potenzjal tal-players tiegħu. 

Il-player simbolu tal-pajjiż tagħhom, Christian Eriksen, kiser rekord fl-imsemmija logħba meta sar l-iktar wieħed li lagħab għal pajjiżu, eżattament 133 logħba.

Iż-żewġ naħat iltaqgħu 28 darba fejn il-Ġermaniżi rebħu 15-il konfront, bid-Daniżi jirbħu tmienja … bil-ħames partiti l-oħra jispiċċaw fi draws. 

Id-difensur Ġermaniż, Antonio Rudiger, jinsab ferm dubjuż wara li sofra injury fil-hamstring. Barra minn hekk, huma ma jistgħux jutilizzaw lid-difensur, Jonathan Tah, minħabba li jinsab sospiż, wara li ntwe­ra żewġ karti sofor.  

Min-naħa l-oħra, id-Daniżi għandhom lill-midfieder, Morten Hjulmand, sospiż. Il-post tiegħu qed jiġi kkunsidrat bejn Christian Norgaard u Mathias Jensen. 

Il-Ġermanja jibdew favoriti li jirbħu din il-logħba anke għax qed jilagħbu f’darhom apparti li għandhom il-pressjoni li jirbħu din il-kompetizzjoni.

Il-logħba se tintlagħab fil-BVB Stadion ta’ Dortmund.

Ekonomija

Sport