It-team nazzjonali Malti, immexxi mill-coach Taljan, Michele Marcolini, illum jilgħab l-aħħar logħba tiegħu minn Grupp C tar-round ta’ kwalifikazzjoni tal-Euro 2024, meta f’Wembley Stadium jaffronta lit-team qawwi tal-Ingilterra li digá qata’ l-passaġġ tiegħu għall-fażi finali li se tintlagħab fil-Ġermanja, f’Ġunju u f’Lulju li ġejjin.
Ta’ nota huwa l-fatt li l-biljetti ta’ din il-partita nbiegħu kollha u għaldaqstant din se tkun l-akbar attendenza li fiha jkun lagħab it-team nazzjonali Malti.
Il-Maltin s’issa għadhom mingħajr l-ebda punt wara seba’ logħbiet u dan il-konfront se jkun mill-aktar diffiċli.
Fil-veritá kien grupp mill-aktar iebes li huwa kompost ukoll mill- Italja, l-Ukrajna u l-Maċedonja.
F’dawn is-seba’ logħbiet sofrejna 18-il goal u skorjajna tnejn … kontra l-Maċedonja u l-Ukrajna.
Ir-riżultati jikkonfermaw id-differenza tal-livell li teżisti bejna u bejn dawn it-timijiet ġganti.
B’kuntrast, it-team nazzjonali Ingliż kiseb 16-il punt minn sitt logħbiet fejn jonqsu jilgħab żewġ partiti, bl-oħra tkun kontra l-Maċedonja. It-Three Lions irreġistraw ħames rebħiet u ġew miżmuma darba biss … fid-draw ta’ 1-1 mill-Ukrajna.
It-team immexxi minn Gareth Southgate jippossjiedi attakk qawwi, b’Harry Kane jkun l-arma letali tagħhom fejn jidher li ma jistax jieqaf jiskorja fejn kiser bosta rekords kemm mat-team nazzjonali kif ukoll mat-team il-ġdid tiegħu, Bayern Munich.
Min-naħa l-oħra, Southgate se jkollu jgħaddi mingħajr is-servizzi tal-midfielder ta’ Real Madrid, Jude Bellingham, li bħalissa għaddej minn forma kbira. Huwa kellu jirtira mill-iskwadra minħabba injury fi spalltu. Nieqes ukoll se jkun id-difensur ċentrali ta’ Chelsea, Levi Colwill, li għandu fastidju muskolari fil-hamstring.
Peró huwa sejjaħ għall-ewwel darba lit-tliet players li qed jimpressjonaw mat-timijiet rispettivi tagħhom fejn jistgħu wkoll jingħataw id-debutt. Dawn huma Cole Palmer (Chelsea), Rico Lewis (Manchester City) u Ezri Konsa (Aston Villa).
Wara li Marcolini sejjaħ skwadra ta’ 33 player għal dan il-konfront, nhar it-Tnejn li għadda ħabbar l-iskwadra finali fejn disa’ players ġew irtirati.
Dawn huma l-goalkeeper Jake Grech (Valletta); Jake Vassallo (Mosta); Juan Corbalan (Hamrun S.); Dunstan Vella (Floriana); Brandon Paiber (Valletta); Myles Beerman (Sliema W.); Jake Grech (Balzan); Alex Satariano (Birkirkara) u Jurgen Degabriele (Hibernians).
Fl-istess waqt, l-attakkant ta’ Floriana, Kemar Reid, jista’ jingħata d-debutt bil-flokk nazzjonali Malti. Imwieled il-Ġamajka, dan il-player ta’ 29 sena sar uffiċjalment ċittadin Malti permezz tan-naturalizzazzjoni fis-27 ta’ Ottubru, li għadda. B’hekk huwa se jsir l-24 barrani li jilgħab għal Malta.
Dawn iż-żewġ naħat diġá ltaqgħu fl-Istadium Nazzjonali. fis-16 ta’ Ġunju li għadda bl-Ingliżi jirbħu 4-0, bil-goals tagħhom jaslu minn auto-goal ta’ Ferdinando Apap, Trent Alexander Arnold, Harry Kane u Callum Wilson (penalty).
Preżenti għal din il-partita mistennija jkun hemm madwar 1,300 partitarji Maltin, ħafna minnhom membri tas-South End Core li se jkunu qed jagħtu s-sapport lit-team nazzjonali Malti.
F’konferenza tal-aħbarijiet, Marcolini tenna li l-objettiv għal din il-partita huwa li l-players jippreżentaw wirja b’saħħitha li biha nkunu lkoll kburin.
“L-għan tagħna huwa li nwasslu prestazzjoni b’saħħitha u li l-partitarji kollha, speċjalment dawk li vvjaġġaw lejn Londra, ikunu kburin,” qal Marcolini.
Huwa spjega li l-mira hija li Malta tirreplika l-istess prestazzjoni bħal dik kontra l-Ukrajna. Madankollu, dan ma jiddependix biss mill-players Maltin iżda wkoll mill-kwalità tal-avversarji.
Bla dubju, l-Ingilterra huma meqjusa bħala wieħed mill-aqwa timijiet fid-dinja. Bħala team Brittaniku, anke jekk ikunu f’vantaġġ ta’ żewġ goals huma jibqgħu jattakkaw biex jiskorjaw aktar goals. Huma kellhom wirjiet impressjonanti f’darhom, bħar-rebħiet ta’ 3-1 kontra l-Italja dik ta’ 7-0 fuq il-Maċedonja.
“L-Ingilterra tista’ tagħżel li tagħmel rotazzjoni fl-iskwadra minħabba li diġà kkwalifikaw. Hija ħaġa ċerta li dawk il-players li se jintgħażlu se jkunu ħerqana li jħallu l-marka tagħhom u jimpressjonaw lill-manager tagħhom,” qal Marcolini.
“Din hija l-ħolma ta’ kull tifel. Għandna x-xorti li qed ngħixuha. Anke jekk qed nantiċipaw sfida diffiċli, se niffaċċjawha flimkien b’mentalità pożittiva u nimmiraw li nwasslu prestazzjoni ta’ min ifaħħarha.”
Meta mistoqsi dwar Kemar Reid, Marcolini semma’ kif dan il-player kellu bidu eċċellenti għall-istaġun ma’ Floriana, fejn skorja diversi goals u kellu wirjiet konsistenti. “Mill-bidu, Kemar wera mpenn massimu lejn it-team tiegħu, li huwa kruċjali għas-suċċess kollettiv. Huwa jista’ jkollu ċ-ċans tiegħu f’din il-partita,” temm jgħid Marcolini.
Preżenti għall-konferenza stampa kien hemm il-midfielder Teddy Teuma, li tilef l-aħħar partita minħabba injury. Huwa tkellem fit-tul dwar l-injury li kellu fl-għaksa, li wasslet biex jitlef diversi logħbiet.
Huwa kien ukoll sospiż fl-aħħar logħba tat-team u jinsab ħerqan li jerġa’ jilgħab. Huwa temm billi esprima l-eċċitament tiegħu dwar il-konfront kontra team li għandu bosta players ta’ livell mondjali.
– Cristian Muscat