Tuesday, December 24, 2024

Euro 2024: Iridu jikkwalifikaw 12-il team ieħor

Aqra wkoll

Fl-aħħar waqfa internazzjonali ta’ din is-sena se nkunu nafu xejn inqas minn 12-il team li f’Ġunju u f’Lulju li ġejjin se jingħaqdu ma’ tmien timijiet li diġá qat­għu l-passaġġ għall-finali tal-Kampjonat Ewropew jew aħjar il-Euro 2024 flimkien mal-organizzaturi, il-Ġermanja.

Dawk li diġá għaddew huma Spanja, Skozja, Franza, Ingilterra, Turkija, Bel­ġju, Awstrija u Portugall, li tlieta minnhom huma rebbieħa tal-passat, Spanja fl-1964, fl-2008 u fl-2012, Franza fl-1984 u fl-2000 u l-Portugall fl-2016.

Barra minn dawn l-ospiti l-Ġermanja kienu saru champions Ewropej fl-1972, fl-1980 u fl-1996, waqt li mit-timijiet li għadhom qed jitħabtu biex jikkwalifikaw hemm ħamsa li anke huma kienu għollew it-trofew fil-passat.

Dawn huma l-Italja fl-1968 u fl-2020, ir-Repubblika Ċeka fl-1976, l-Olanda fl-1988, id-Danimarka fl-1992 u l-Greċja fl-2004.

Meta żewġ timijiet jgħad­du minn kull grupp u bil-Ġermanja t-total jitla’ għal 21, ikun hemm tliet postijiet oħra li jridu jiġu deċiżi bil-play-offs f’Marzu tas-sena d-dieħla. 

Dan li ġej huwa ħarsa lejn dak li jista’ jiġri f’dawn is-sitt ijiem: 

GRUPP A

Spanja u l-Iskozja diġá għaddew għall-finali b’żewġ logħbiet fuq ir-riħ u għalhekk jistgħu anke jippruvaw xi players li għandhom f’moħħhom biex maż-żmien jieħdu posthom fl-ewwel team.

In-Norveġja, li jinsabu fit-tielet post b’10 punti jippruvaw jirbħu l-unika logħba li fadlilhom li hija dik barra minn darhom kontra l-Iskozja.

Huma jinsabu tliet punti fuq Georgia li peró għandhom missjoni ftit li xejn impossibbli meta jridu jiltaqgħu kontra ż-żewġ timijiet li kkwalifikaw.

GRUPP B

Biċ-Champions tad-Dinja 2018, Franza, moħħhom mistrieħ mill-kwalifikazzjo­ni, iż-żewġ timijiet ta’ warajhom, l-Olanda u l-Greċja, se jissieltu bejniethom għat-tieni post meta t-tnejn għandhom 12-il punt kull wieħed.

Iżda bla dubju ċ-ċansijiet jinsabu għand it-Tulipani li l-aħħar żewġ logħbiet tagħhom jistgħu jirbħuhom it-tnejn, l-ewwel waħda f’darhom kontra l-Irlanda u l-aħħar waħda barra minn darhom kontra Ġibiltá.

L-uniku logħba li fadlilhom il-Griegi hija dik li se jilagħbu f’darhom kontra Franza b’dawn reb­ħu l-logħbiet kollha tagħ­hom u għalhekk iridu jispiċċaw fuq nota pożittiva. 

GRUPP C

Dan il-grupp huwa l-iktar li nafu fuqu meta fost il-ħames timijiet hemm it-team Malti li għada se jiltaqa’ kontra l-Ingilterra f’Wembley Stadium.

L-Ingliżi huma wieħed mit-timijiet li diġá huma kwalifikati, iżda żgur li se jmorru għar-rebħa meta minkejja li fallew żewġ punti fi draw kontra l-Ukreni huma jridu jtemmu bla ma jsofru l-ebda telfa.

Din se tkun it-tielet darba li Malta u l-Ingilterra se jiltaqgħu f’Wembley fi spazju ta’ 52 sena fejn fl-1971 kienu għelbuna 5-0 wara l-famuża logħba fil-Gzira Stadium  tliet xhur qabel li konna tlifna bl-iskor minimu ta’ 1-0.

Imbagħad fl-2016 f’Wembley Stadium il-ġdid, l-Ingilterra kienu għelbuna 2-0 wara rebħa 4-0 f’Ta’ Qali.

Magħhom hemm l-Italja, l-Ukrajna u l-Maċedonja ta’ Fuq b’tal-ewwel fuq al­lert biex ma jiġrilhomx bħal fil-preliminari mondjali li baqgħu barra minnhom darb­­tejn fuq xulxin.

L-ewwel darba kienu sabu avversarji diffiċli fl- Isvediżi u fit-tieni kienu l-Maċedonja li eliminawhom u issa dawn se jerġgħu jiltaqgħu magħhom, għada fi Stadio Olimpico.

Huma għandhom ukoll laq­għa mal-Ukrajna li se tintlagħab f’Leverkusen, il- Ġermanja, nhar it-Tnejn li ġej. Għalhekk kollox jista’ jiġri. Jekk l-Italja jiżolqu kon­tra l-Maċedonja dan jagħmel kuraġġ lill-Ukreni biex ikomplu jgħoddsu ‘l isfel lit-team ta’ Luciano Spalletti.

GRUPP D

Bit-Turkija huma diġá kwalifikati, issa hemm sfida diretta għal min jispiċċa fit-tieni post bejn Wales u l-Kroazja bl-aħjar ċansijiet jinsabu f’idejn il-finalisti tat-Tazza tad-Dinja 2018 li ż-żewġ logħbiet li fadlilhom huma kontra l-aħħar żewġ timijiet fil-klassifika, l-Armenja u l-Latvja.

Wales u l-Kroazja għandhom 10 punti kull wieħed b’dawn tal-aħħar huma l-iktar li ddiżappuntaw għal­­kemm ta’ min jgħid li t-ti­mijiet mhux dejjem ikol­­lhom l-istess forza meta jkunu għaddejjin minn żmien tran­żitorju.

Wales jinsabu żewġ reb­ħiet bogħod milli jikkwali­fikaw meta huma wrew li anke mingħajr Gareth Bale jistgħu jikkompetu u anke jiksbu post fil-finali.

Meta Wales qatt ma kienu kkwalifikaw għall-finali qabel l-2016, huma qed jippruvaw għat-tielet finali wara xulxin.

GRUPP E

Dan il-grupp kien kompetittiv ħafna, iżda qabel l-Ewwel Ġurnata, ftit kienu jobsru li l-Polonja se jkunu wieħed mit-timijiet li se ji­tilfu l-kwalifikazzjoni awtomatika. 

Madankollu, hekk kif jilqgħu lir-Repubblika Ċeka fid-9 Ġurnata, jistgħu biss jittamaw f’dik li hija l-finali tal-kwalifikazzjoni tagħhom meta rebħa tkun biżżejjed għalihom. 

Il-coach Ċek, Jaroslav Silhavy, se jmur Varsavja bit-tama li jmexxi lit-team tiegħu għat-tieni Euro wara xul­xin mingħajr ir-regolari Jiri Pavlenka u Patrik Schick, għalkemm se jkun jista’ jitlob appoġġ sinifikanti.

L-FA Ċeka kriet ferrovija espress speċjali li se tieħu 2,000 partitarju lejn il-kapi­tali Pollakka. Jekk iċ-Ċeki jirbħu (u l-Moldova le) dawk il-partitarji jkunu qed jiċċelebraw il-kwalifikazzjoni fi triqithom lejn darhom.

Il-Pollakk, Robert Lewandowski, għad irid jis­kor­ja f’ħames logħbiet kontra ċ-Ċeki.

GRUPP F

Anke f’dan il-grupp hu­wa magħruf min ikkwali­fika li huma l-Belġju u l-Awstrija b’dawn tal-aħħar se jkunu fil-finali għat-tieni darba wara l-oħra. Huma t-tnejn jinsabu fuq 16-il punt bl-Isvezja ma jistgħux jilħquhom.

Il-Belġju għadhom bla megħluba meta issa jinsabu taħt il-coach Ġermaniż/Taljan, Domenico Tedesco, li żgur li jrid iżomm lit-team b’dik l-istima li gawdew qabel taħt l-Ispanjol, Roberto Martinez.

GRUPP G

L-Ungerija u s-Serbja hu­ma l-favoriti li jikkwali­f­i­­kaw minn dan il-grupp b’Montenegro jinsabu t-tielet ħames punti wara s-Serbi biċ-ċansijiet tagħhom huma remoti.

Il-Bulgarija se jkun importanti biex naraw min se jispiċċa fl-ewwel żewġ postijiet meta jridu jiltaqgħu kontra l-Ungerija f’darhom u kontra s-Serbja barra minn darhom. Intant, il-Bulgari kisbu żewġ punti biss waqt li qabilhom hemm il-Litwanja li huma eliminati wkoll.

Il-Bulgarija huma barra mill-kompetizzjoni, iżda se jfittxu t-tama għall-futur taħt il-coach il-ġdid, Ilian Iliev. Anke fl-agħar xenarju, l-Ungerija se jkollhom ċans ieħor li jissiġillaw post­hom fl-10 ta’ ġurnata, meta jilqgħu f’darhom lil Montenegro.

GRUPP H

Is-Slovenja u d-Danimarka jidhru li huma virtwalment ġewwa meta għandhom 19-il punt kull wieħed, erbgħa iktar mill-Kazakhstan, u meta kull team jonqsu żewġ logħbiet oħra għat-tmiem huma favoriti li jgħaddu.

L-iktar logħba mistennija hija bejn s-Slovenja u d-Danimarka meta min jirbaħ minnhom jgħaddi għall-finali għalkemm il-logħba l-oħra li tagħlaq l-impenji tagħhom m’hijiex waħda li ma tistax tintrebaħ.

GRUPP I

Ir-Rumanija u l-Isvizzera qed jokkupaw l-ewwel postijiet meta jinsabu mif­rudin b’punt favur tal-ewwel waqt li Iżrael, li jinsabu t-tielet, ma tantx jidhru li jistgħu jħarbtu t-tbassir meta t-tliet logħbiet li fadlilhom minħabba l-kunflitt mal-Palestina huma kollha barra minn darhom inkluża dik tal-bieraħ kontra l-Isvizzera. 

Iżrael jistgħu jippruvaw li jgħaddu għall-play-offs permezz tat-tielet post.

GRUPP J

Il-Portugall ma jidhirx li jistgħu jfallu milli jżommu r-rekord ta’ 100% meta l-aħħar żewġ logħbiet tagħ­hom huma kontra Liechtenstein barra minn darhom u kontra l-Islanda f’darhom. 

Barra minn hekk l-vete­ran Cristiano Ronaldo, żgur li jrid ikompli jkabbar it-total tal-goals tiegħu fix-xena internazzjonali.

Is-Slovakkja, li jinsabu fit-tieni post ħames punti fuq il-Lussemburgu, iridu rebħa jew żewġ draws biex jikkwalifikaw.

Ekonomija

Sport