Polonja ……..1
Awstrija ……3
L-Awstrija daħlu biċ-ċans li jgħaddu għal mal-Aħħar 16 meta għelbu lill-Polonja bl-iskor ta’ 3-1 liema rebħa kienet meritata minħabba li ddominaw għal ħafna ħinijiet minkejja li l-Pollakki kisbu d-draw momentarju.
L-Awstrija ma setgħux kellhom bidu aħjar meta fid-disa’ minuta fetħu l-iskor. It-throw-in fit-tul ta’ Phillipp Mwene ġie kklerjat mid-difiża Pollakka f’saqajn l-istess Mwene li ġera mal-linja u tefa’ cross perikoluż li sab lil Gernot Trauner li b’daqqa ta’ ras b’saħħitha għeleb għal kollox lill-goalkeeper Wojciech Szczesny.
Fis-17-il minuta, il-Pollakki appellaw għal penalty meta x-xutt ta’ Piotr Zielinski ħabat mal-minkeb ta’ Mwene li iżda kellu idu mdaħħla ‘l ġewwa.
Żewġ minuti wara, il-Polonja setgħu kisbu d-draw iżda Nicola Zalewski xeħet barra minkejja li kellu l-ispazju kollu neċessarju. Madankollu, fit-30 minuta, kisbu d-draw meta f’kaxxa ffollata x-xutt ta’ Jan Bednarek ġie mblukkat parzjalment minn Trauner bil-ballun jasal għand Krzysztof Piatek li mill-viċin ma żbaljax.
Fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima, Zielinski ndirizza free-kick li ġiegħel lil-goalkeeper, Patrick Pentz, iwettaq save kbir bil-ballun deher dieħel fin-naħa t’isfel tar-rokna tax-xibka.
Fis-67 minuta, l-Awstrijaċi reġgħu marru fil-vantaġġ meta mill-cross fuq ix-xellug, Marko Arnautovic għamel finta biex fetaħ l-ispazju għal Christoph Baumgartner li min-nofs il-kaxxa xeħet lil Szczesny fuq in-naħa l-ħażina.
Fit-78 minuta, MARKO ARNAUTOVIC kabbar il-vantaġġ mill-11-il metru wara li l-Awstrija ngħataw penalty għal foul ta’ Szczesny fuq Marcel Sabitzer.