Monday, November 11, 2024

Euro 2024: L-Ingilterra b’punti massimi

Aqra wkoll

Meta ntlagħab l-ewwel programm tat-tieni ġur­nata tar-round ta’ kwa­li­­fikazzjoni tal-Euro 2024, l-Ingilterra ospitaw lill-Ukrajna u għelbuhom bl-iskor ta’ 2-0 biex jinsabu fil-quċċata ta’ Grupp C b’punti massimi minn żewġ logħbiet.  

Wara bidu kwiet, l-Ingliżi bdew jiddettaw il-logħob u resqu viċin diversi drabi li jiftħu l-iskor. Iżda huma kellhom jistennew sas-37 minuta biex fetħu l-iskor.

Kien Harry Kane li beda u temm l-azzjoni meta huwa xeħet lejn Bukayo Saka li ġera mal-linja fejn dendel cross insidjuż, bid-difensur Ukren, Oleksandr Karavaev ipprova jixħet f’corner iżda l-ballun ħabat karambola ma’ sieq l-attakkant Ingliż bil-ballun jispiċċa fix-xibka … biex żied ir-rekord ta’ 55 goal mat-team nazzjonali. 

Tliet minuti wara, it-team immexxi mill-coach, Gareth Southgate, irdoppja meta Jordan Henderson għadda lejn Bukayo Saka li avvanza u minn tarf il-kaxxa dawwar il-ballun għal ġos-saqaf tar-rokna tax-xibka. 

Fit-tieni taqsima, ir-ritmu tal-partita naqas drastikament u kien lejn l-aħħar kwarta li l-Ingliżi heddew iżda l-goalkeeper Ukren, Anatoli Trubin, salva fuq Conor Callagher u Jack  Grealish.   

Minn Grupp H, barra minn darhom id-Danimarka tilfu vantaġġ ta’ żewġ goals biex sfaw megħluba mill-Kazakhstan 3-2 li għalihom skorjaw Baktiyor Zainutdinov (73 pen), Askhat Tagybergen (86) Abat Aimbetov (89) wara li Rasmus Hojlund (21, 35) ta vantaġġ doppju lid-Daniżi.

Is-Slovenja għelbu lil San Marino 2-0, bil-goals jiġu skorjat minn Benjamin Sesko (57) u auto-goal ta’ Roberto Di Maio (60).

L-Islanda kisbu l-akbar rebħa meta marru l-Lussemburgu u ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 7-0, bl-iskorers ikunu David Olafsson (3), Hakon Arnar Haraldsson (38), Aron Gunnarsson (48, 68, 73 pen), Andri Gudjohnsen (85), Mikael Ellertsson (87).

Sport