Tuesday, November 26, 2024

Euro 2024: L-Ukrajna jdawru telfa f’rebħa kontra l-Maċedonja

Aqra wkoll

F’partita mill-grupp ta’ Malta valida mir-round ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2024, barra minn darhom l-Ukrajna dawru telfa f’rebħa biex għelbu lill-Maċedonja bl-iskor ta’ 3-2, b’dawn tal-aħħar jispiċċaw bi player inqas meta tkeċċilhom Visar Musliu (73) għal żewġ karti sofor. 

Il-goals tagħhom ġew skorjati minn Illia Zabarnyi (62), Yukhym Konoplia (68) u Viktor Tsygankov (83) wara li Enis Bardhi (31 pen) u Eljif Elmas (39) taw vantaġġ doppju lill-Maċedonja. 

Dawn iż-żewġ timijiet se jkunu fl-azzjoni nhar it-Tnejn li ġej meta l-Maċedonja jilagħbu barra minn darhom kontra l-Ingilterra filwaqt li l-Ukrajna jaffrontaw lil Malta, fis-Slovakkja, minħabba li ma jistgħux jilagħbu f’pajjiżhom għax jinsabu fi gwerra mar-Russja. 

Minn Grupp B, Franza għandhom punti massimi minn tliet partiti meta marru Ġibiltá u ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-0 permezz ta’ Olivier Giroud (3) u Kylia Mbappe (45) u auto-goal ta’ Aymen Mouelhi (78).  

Fil-partita l-oħra, il-Greċja għelbu lill-Irlanda bl-iskor ta’ 2-1 bl-iskorers ikunu Anastasios Bakasetas (15) u Giorgos Masouras (49) filwaqt li Nathan Collins (29) wieġeb għall-Irlandiżi. 

Fi Grupp D, Wales sfaw megħluba f’darhom bl-iskor ta’ 4-2 mill-Armenja li l-goals tagħhom waslu minn doppjetta kull wieħed ta’ Lucas Zelarrayan (19, 75) u Grant-Leon Ranos (30, 66) filwaqt li Daniel James (10) u Harry Wilson (63) skorjaw għat-team ospitu. 

Barra minn darhom, it-Turkija rebħu lil Latvja bl-iskor ta’ 3-2 b’goals minn Abdulkerim Bardakci (22), Cengiz Under (62) u Irfan Kahveci (95) filwaqt li Eduards Emsis (51) u Kristers Tobers (94) skorjaw għal Latvja. 

Sport