Sunday, December 22, 2024

Euro 2024: Palmer, Konsa u Lewis mgħajtin għal kontra Malta

Aqra wkoll

Cole Palmer, Ezri Konsa u Rico Lewis ġew imsejħa għall-ewwel darba fl-iskwadra tal-Ingilterra biż-żieda tat-trio għaż-żewġ partiti ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2024 issegwi l-irtirar ta’ James Maddison, Callum Wilson u Lewis Dunk minħabba injury.

L-attakkant ta’ Chelsea, Palmer, u d-difensur ta’ Manchester City, Lewis, ġew elevati mill-iskwadra Ingilterra ta’ taħt il-21 sena għat-team tal-kbar ta’ Gareth Southgate.

L-Ingilterra tilgħab kontra Malta nhar il-Ġimgħa f’Wembley Stadium u kontra l-Maċedonja, nhar it-Tnejn.

Il-midfielder ta’ Real Madrid, Jude Bel­lingham, huwa dubjuż għal-logħob minħabba injury fi spalltu.

Il-maġġoranza tal-iskwadra ta’ Southgate rrapurtaw  f’St George’s Park nhar it-Tnejn fejn sarulhom aktar valutazzjonijiet.

Palmer, 21 sena, kien parti mit-team tal-Ingilterra U21 li rebaħ il-Kampjonat Ewropew fis-sajf li għadda u kien f’forma impres­sjonanti għal Chelsea dan l-istaġun. Huwa ngħaqad mal-Blues mingħand Manchester City fis-sajf u l-Ħadd li għadda skorja l-pe­nalty kontra l-eks team tiegħu fid-draw ta’ 4-4.

Lewis, ta’ 18-il sena, ġie osservat minn Southgate f’diversi okkażjonijiet u kien parti mit-team tas-City li rebaħ it-Treble fl-istaġun li għadda.

Id-difensur ta’ Aston Villa, Konsa, 26 sena, rebaħ it-Tazza tad-Dinja ta’ taħt l-20 sena mal-Ingilterra fl-2017 u għen lill-club tiegħu jitla’ fil-ħames post fil-Premier League dan l-istaġun.

L-Ingilterra diġà kkwalifikaw għall-Kampjonat Ewropew fil-Ġermanja f’Ġunju u Lulju li ġejjin wara rebħa ta’ 3-1 kontra l-Italja f’Ottubru.

Ekonomija

Sport