SPANJA …………..2
INGILTERRA ….1
Spanja huma ċ-champions Ewropej għar-raba’ darba meta fil-finali għelbu lill-Ingilterra bl-iskor ta’ 2-1 li min-naħa tagħhom tilfu t-tieni finali konsekuttiva wara li tliet snin sfaw megħluba mill-Italja.
Fil-verita, l-Iberjani kien jimmeritahom li jirbħu dan it-tournament minħabba li rebħu kull partita, b’total ta’ seba’, biex wettqu rekord assolut.
Min-naħa tal-Ingilterra, dawn komplew jiddiżappuntaw fix-xena internazzjonali meta l-uniku unur maġġuri li rebħu kien 58 sena ilu – it-Tazza tad-Dinja fl-1966.
Kien bidu nervuż għall- Ingilterra u proprju, fil-ħames minuta, kienu taħt pressjoni hekk kif Nico Williams xeħet cross insidjuż iżda John Stones xeħet f’corner qabel seta’ jilħaq Alvaro Morata.
U fit-12-il minuta, reġa’ kien Stones li salva lill-Ingliżi meta antiċipa fil-ħin lil Williams li deher li seta’ jiskorja. Peró din l-azzjoni kienet tfisser li beda jberraq għall-Ingilterra hekk kif l-Ispanjoli kienu fil-kontroll assolut.
Kien fil-15-il minuta li t-Three Lions ħolqu l-ewwel attakk iżda l-cross ta’ Kyle Walker ġie nnewtralizzat f’corner. Fit-23 minuta, Phil Foden tilef il-pussess tal-ballun fejn Dani Olmo approfitta, għadda lejn Lamine Yamal iżda x-xutt tiegħu ġie mdawwar f’corner.
Żewġ minuti wara, Luke Shaw daħal fil-kaxxa avversarja u għadda l-ballun lejn sħabu iżda Kobbie Mainoo u Phil Foden ma kienux attenti biex iċ-ċans inħela.
Fit-33 minuta, l-Ingilterra ħelsuha ħafif meta Spanja ġew imċaħħda minn dak li deher penalty ċar meta Rice litteralment qabeż fuq Aymeric Laporte u niżżlu mal-art.
Fl-45 minuta, Shaw għadda lejn Kane li minn tarf il-kaxxa pprova jittanta xortih iżda sab lil Rodri jimblokka.
Fil-ħin miżjud, l-Ingliżi ndirizzaw l-ewwel xutt lejn il-lasti avversarji fejn Foden resaq viċin li jiftaħ l-iskor mill-free-kick ta’ Declan Rice iżda minn pożizzjoni angolata sab lill-goalkeeper, Unai Simon, attent.
U appena għaddew ftit sekondi mill-ftuħ tat-tieni taqsima, Spanja fetħu l-iskor meta Yamal għadda lejn Olmo li ma laħaqx il-ballun biex wasal għand NICO WILLIAMS li żmarkat waħdu xeħet fir-rokna tax-xibka. U minuta wara, Olmo seta’ rdoppja iżda waħdu xeħet barra.
L-Ingliżi dehru demoralizzati u diżullużi … u fis-56 minuta, Williams resaq ferm viċin it-tieni goal iżda x-xutt minn barra l-kaxxa għadda jħakkek ma’ sieq il-lasta.
Fit-63 minuta waslet ir- reazzjoni Ingliża iżda minn tarf il-kaxxa, Bellingham xeħet barra. Tliet minuti wara, Jordan Pickford ċaħħad lil Yamal milli jirdoppja.
Ta’ dan in-nuqqas, l-Ingliżi kisbu d-draw fit-73 minuta bi ġmiel ta’ goal meta mill-pass ta’ Bellingham, COLE PALMER b’xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa dawwar il-ballun għar-rokna tax-xibka.
Peró, fis-87 minuta, Mikel Oyarzabal skorja l- goal tar-rebħa għall-Ispanjoli kkokluda mill-pass ta’ Olmo.
SPANJA: 23-Unai Simon, 2-Dani Carvajal, 3-Robin Le Normand (4-Nacho 83), 7-Alvaro Morata (captain) (21-Mikel Oyarzabal 68), 8-Fabian Ruiz, 10-Dani Olmo, 14-Aymeric Laporte, 16-Rodri (18-Martin Zubimendi 46), 17-Nico Williams, 19-Lamine Yamal (6-Mikel Merino 89), 24-Marc Cucurella
Coach: Luis De La Fuente
INGILTERRA: 1-Jordan Pickford, 2-Kyle Walker, 3-Luke Shaw, 4-Declan Rice, 5- John Stones, 6-Marc Guehi, 7-Bukayo Saka, 9-Harry Kane (captain) (19-Ollie Watkins 61), 10-Jude Bellingham, 11-Phil Foden (17-Ivan Toney 89), 26-Kobbie Mainoo (24-Cole Palmer 70)
Coach: Gareth Southgate
REFEREE: Francois Letexier (Franza)
ASS. REFEREES: Cyril Mugnier, Mehdi Rahmouni (Franza)
RABA’ UFF: Szymon Marciniak (Polonja)
SKORERS: N. Williams 47, M. Oyarzabal 87 (S); C. Palmer 73 (I)
AMMONITI: H. Kane, J. Stones (I); D. Olmo (S)