Illum jinżel is-siparju tal- Euro 2024 meta, fl-Olimpiastadion ta’ Berlin, tintlagħab il-finali bejn Spanja u l-Ingilterra, fid-9.00 pm.
Filwaqt lia Spanja qed jimmiraw li jirbħu dan l- unur għal rekord ta’ erba’ darbiet, bit-tlieta l-oħra jkunu fl-1964, fl-2008 u fl-2012, l-Ingilterra għadhom qed ifittxu l-ewwel suċċess wara li tliet snin ilu tilfu l-finali kontra l-Italja 3-2 bl-għoti tal-penalties wara li temmew fi draw ta’ 1-1.
Bla dubju, Spanja wrew li huma l-aħjar team s’issa meta wettqu rekord uniku hekk kif rebħu s-sitt partiti għad-dispożizzjoni.
It-team immexxi mill-coach, Luis de la Fuente, kien l-iktar wieħed konsistenti s’issa f’dan it-tournament, hekk kif warrab il-furja tal-Italja (1-0), l-Albanija (1-0) u l-Kroazja(3-0), fil-Fażi tal-Gruppi u dik ta’ Georgia (4-1) fl-Aħħar 16.
Wara li sabu ruħhom minn taħt, l-Ispanjoli skorjaw erba’ goals mingħajr risposta.
Fil-kwarti-finali La Roja għelbu lit-team ospitu tal- Ġermanja, bl-iskor ta’ 2-1 fil-ħin barrani, bil-goal tar-rebħa jasal eżattament fil-120 minuta minn Mikel Merino.
Imbagħad fis-semi-finali, huma dawru telfa f’rebħa biex għelbu lil Franza bl-iskor ta’ 2-1, bi ġmiel ta’ goal ta’ Lamine Yamal u ieħor minn Dani Olmo.
Min-naħa tagħhom, l-Ingilterra ma tantx kellhom bidu tajjeb.
Fil-Fażi tal-Gruppi, f’dak C, għelbu lis-Serbja (1-0) u ġew miżmuma mid-Danimarka (1-1) u mis-Slovenja (0-0).
Imbagħad, fl-Aħħar 16, kienu sekondi bogħod milli jiġu eliminati meta kienu qed jitilfu 1-0 kontra s-Slovakkja. Iżda goal fl-aħħar sekondi skorjat minn Jude Bellingham poġġa l-logħba fil-ħin barrani. Eventwalment l-Ingliżi skorjaw it-tieni goal permezz ta’ Harry Kane sabiex qatgħu l-passaġġ mal-aħħar tmienja.
Fil-kwarti-finali, huma wkoll kienu fl-iżvantaġġ ta’ 1-0 kontra l-Isvizzera iżda kisbu d-draw lejn it-tmiem minn Bukayo Saka biex il-partita marret għall-ħin barrani kif ukoll għall-penalties li minnhom ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 5-3.
U anke kontra l-Olanda kienu minn taħt, fis-semi-finali iżda penalty kontroversjali skorjat minn Kane u goal fil-91 minuta ta’ Ollie Watkins kienu l-biljett biex jgħaddu għall-finali.
Spanja se jkunu msaħħa bir-ritorn ta’ Robin Le Normand u Dani Carvajal minn sospensjoni li mistennija jieħdu post Nacho Fernandez u Jesus Navas rispettivament.
Għat-Three Lions, id-difensur xellugi, Luke Shaw mistenni jibda mill-bidu għall-ewwel darba wara li rkupra għal kollox minn injury fit-tul.