Tuesday, December 24, 2024

Euro 2024: Spanja fil-kwarti-finali kontra l-Ġermanja

Aqra wkoll

SPANJA ……….4     

GEORGIA ……..1

Spanja komplew juru l-qawwa tagħhom hekk kif għelbu lit-team modest ta’ Georgia bl-iskor ta’ 4-1 biex nhar il-Ġimgħa jiltaqgħu kontra l-Ġermanja fil-kwarti-finali tal-Euro 2024.

L-Iberjani fetħu assedju fuq il-lasti avversarji bil-Ġorġani bl-ebda mod ma setgħux joħorġu mill-qoxra difensiva tagħhom hekk kif bdew jiddefendu bi 11-il player.

Iżda kontra x-xejra tal-logħob, fit-18-il minuta, kienu Georgia li fetħu l-iskor meta mill-cross ta’ Otar Kakabadze, Robin Le Normand ikkommetta auto-goal.

Fil-35 minuta, b’xutt minn barra l-kaxxa Marc Cucurella ġiegħel lil Mamardashvili jinxteħet minn tulu biex idawwar f’corner. Żewġ minuti wara, f’azzjoni li nvolviet bosta players spiċċat b’xutt ta’ RODRI minn tarf il-kaxxa li għeleb lil Mamardashvili … bil-Ġorġani jipprotestaw li Alvaro Morata kien f’pożizzjoni ta’ offside li nterferixxa l-azzjoni.

Tliet minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, Georgia kienu għoddhom reġgħu marru fil-vantaġġ meta f’kontrattakk korali, Khvicha Kvaratskhelia qabad lill-goalkeeper, Unai Simon, barra minn postu u min-nofs il-ground illobja l-ballun li iżda għadda jħakkek mal-lasta.

Peró, fil-51 minuta, kienu Spanja li skorjaw minn daqqa ta’ ras ta’ FABIAN RUIZ li kkonkluda mill-cross ta’ Lamine Yamal. Fis-63 minuta, l-istess Yamal seta’ għamel aħjar meta approfitta minn żball difensiv iżda minn tliet metri bogħod falla l-mira.

Fil-75 minuta, Spanja kabbru l-iskor meta NICO WILLIAMS irċieva pass fit-tul f’nofs il-ground, avvanza waħdu u b’xutt b’saħħtu xeħet il-ballun fis-saqaf tax-xibka.

U fit-83 minuta, issiġillaw ir-rebħa permezz ta’ xutt mill-viċin ta’ DANI OLMO.

Minkejja din it-telfa, Georgia sellmu lill-Euro 2024 b’ras­hom mgħollija wara li ġibdu l-ammirazzjoni ta’ kulħadd.

Ekonomija

Sport