Spanja …………3
Kroazja ……..…0
Spanja ddominaw lill-Kroazja u rebħulhom bl-iskor ta’ 3-0 liema goals ġew skorjati fl-ewwel taqsima biex il-partita kienet mirbuħa u mitlufa qabel il-mistrieħ.
Huma fetħu l-iskor fid-29 minuta meta minn azzjoni mejta, Fabian Ruiz xeħet il-ballun lejn ALVARO MORATA min-nofs il-ground fejn dan tal-aħħar għeleb in-nasba tal-offside u b’xutt fil-baxx għeleb lill-goalkeeper, Dominik Livakovic.
Imbagħad, fit-32 minuta, assistejna għal goal mill-isbaħ meta FABIAN RUIZ irċieva l-ballun barra l-kaxxa, isserrep bejn żewġ difensuri avversarji u b’xutt angolat xeħet fir-rokna tax-xibka bil-ballun jgħaddi minn bejn saqajn id-difensur Josip Sutalo.
Peró, il-Kroati kellhom iċ-ċans li jidħlu fil-logħba iżda fallew żewġ ċansijiet tad-deheb minn Lovro Majer li mill-viċin laqat max-xibka ta’ barra filwaqt li Ante Budimir naqas li jagħmel kuntatt fuq il-linja fatali mill-cross ta’ Josko Gvardiol.
Fuq in-naħa l-oħra, fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima l-Ispanjoli għalqu l-logħba meta Dani Carvajal ġie minn wara u kkonnettja l-cross ta’ Lamine Yamal għal ġox-xibka.
Fis-56 minuta, il-Kroazja kellhom żewġ opportunitajiet minn tentattivi fil-kaxxa ż-żgħira minn Josip Stanisic li ġie mblokkat minn Marc Cucurella u minn daqqa ta’ ras ta’ Ante Budimir li ġiet salvata mill-goalkeeper, Unai Simon.
Fit-80 minuta, il-Kroati ngħataw penalty iżda Bruno Petkovic ra lil Simon jilqa’ parzjalment bil-ballun jasal għand Ivan Perisic li għadda lejn Petkovic li kompla għal ġewwa. Iżda l-goal ġie mħassar minħabba li Perisic daħal fil-kaxxa qabel l-eżekuzzjoni tal-penalty.