Il-media Spanjola qed issostni li fil-finali tal-Euro 2024 tal-lum kontra l-Ingilterra trid tkun tpattija għat-telfa kontroversjali ta’ 28 sena ilu, jiġifieri fil-Euro 1996, li kienet saret fl-Ingilterra stess.
Fil-partita msemmija, li ntlagħbet f’Wembley Stadium u valida mill-kwart-finali, l-Ispanjoli kellhom żewġ goals ta’ Julio Salinas u Kiko mħassra b’mod żbaljat għal pożizzjoni ta’ offside ineżistenti.
Barra minn hekk, ġew imċaħħda minn dak li deher penalty ċar mir-referee Franċiż, Marc Batta, meta Alfonso Perez twaqqa’ fil-kaxxa minn Paul Gascoigne.
Bil-partita tintemm fi draw ta’ 0-0 anke wara l-ħin barrani, kellhom jingħataw il-penalties li minnhom l-Ingliżi ttrijonfaw bl-iskor ta’ 4-2, biex ibbukkjaw posthom fis-semi-finali kontra l-Ġermanja.
Interessanti huwa l-fatt li f’dik il-ġurnata, jiġifieri, fit-22 ta’ Ġunju 1996, twieled il- midfielder ta’ Spanja u ta’ Manchester City, Rodri.
L-Ispanjoli qed jittamaw li d-destin hekk ried biex proprju llum l-istess Rodri jkun il-fortuna tal-Ispanjoli biex titwettaq tpattija sportiva.
L-eks midfielder Spanjol Guillermo Amor, 56 sena, qal: “Ingilterra v Spanja fil-Euro 96 kienet logħba mill-aqwa. Kellna opportunità kbira li noħorġu rebbieħa, lgħabna logħba brillanti u kien ħaqqna aktar!
“Dik it-telfa kontra l-Ingilterra baqgħet ħolma kerha matul ħajjitna kollha minħabba li nħoss li ġejna misruqa. Nemmen li kieku għelibna lill-Ingilterra konna nibqgħu sejrin nirbħu t-tournament.”